Lokali

“Il-Maġistrat Nadine Lia qatt ma kellha tasal s’hawn” – Editorjal The Malta Independent

“Il-Magistrat Nadine Lia ma kellhiex tasal s’hawn .. Il-ġustizzja għandha ssir mingħajr bizà u għandha tkun totalment imparżjali mingħajr indħil. Iżda f’dan il-każ, kellha tkun id-deċiżjoni bla preċedent tal-Qorti Kostituzzjonali biex tiżgura li l-ġustiżżja verament  isir.”

Dan huwa s-sentiment espress fl-editorjal ta’ The Malta Independent wara dak li seħħ din il-ġimgħa, fejn qatt qabel fl-istorja legali ta’ pajjiżna ma kien hemm sitwazzjoni fejn ġudikant tneħħa minn każ partikolari.

F’dan il-każ, il-Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Maġistrat Nadine Lia biex ma tismax il-proċeduri li kienu inizjalment inbdew sabiex il-Kummissarju tal-Pulizija jipproċedi kontra diversi individwi li huma identifikati fl-inkjesta tal-bank Pilatus.

Il-proċeduri kienu ġew assenjati lil Nadine Lia, li normalment tisma’ każijiet bħal dawn. Iżda l-għaqda Repubblika mmexxija minn Robert Aquilina kienet mill-ewwel fetħet proċeduri kostituzzjonali biex tgħid li r-rifjut tal-Maġistrat Nadine Lia li tirrikuża ruħha minn proċeduri ta’ sfida li fetħet kontra l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qed jikser id-dritt għal smigħ ġust.

Repubblika kienet qalet li hemm kunflitt ta’ interess għall-Maġistrat Lia li tiġi l-mara tat-tifel tal-avukat Pawlu Lia; li huwa l-avukat personali tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Fid-deċiżjoni tal-Qorti li ingħatat din il-ġimgħa, ingħad li l-Maġistrat Lia messha irrikużat ruħha ma’ l-ewwel talba li saret. Għal kuntlarju ta’ dan, Lia irrifjutat li tirrikuża ruħha tliet darbiet, filwaqt li irrifjutat ukoll – kif spjega l-editorjal – li tħalli lil missier ir-raġel tagħha, Pawlu Lia, jiġi msejjaħ biex jixhed fil-każ.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet ukoll li dan il-kaz b’rabta mal-bank Pilatus huwa ta’ interess pubbliku u jitratta investigazzjonijiet li għadhom qed isiru, anke b’rabta mal-kumpanija sigrieta Egrant – Għalhekk il-ġustizzja mhux biss għandha isir iżda tidher li qed isir.