Futbol Sport

Premier League Ingliż: Draw kumbattut bejn Chelsea u Manchester United…. Nottingham Forest jaħsdu lil Liverpool

Fis-City Ground

Nottingham Forest v Liverpool 1-0


Nottingham Forest inqalgħu minn qiegħ il-klassifika tal-Premier b’rebħa mistħoqqa, 1-0, fuq Liverpool fis-City Ground u għal riżultat li bla dubju kien l-akbar sorpriża tal-ġurnata.
U filwaqt li t-Tricky Trees jistgħu jħarsu ‘il quddiem b’aktar fiduċja mhux l-istess jista’ jingħad għar-Reds ta’ Jurgen Klopp li mill-ġdid iddiżappuntaw lill-partitarji numerużi wara r-rebħiet fil-kampjonat fuq Manchester City u West Ham United.

L-uniku gowl tal-logħba, skurjat minn Taiwo Awoniyi, kellu anki element ta’ ironija peress li dan il-plejer kien għamel żmien fuq il-kotba ta’ Liverpool u deċieda li jitlaq lill-klabb, fl-2021, mingħajr ma kien lagħab minuta għall-‘first team’ tar-Reds f’logħba kompetittiva.
Intant, il-gowl ippremja l-logħob veloċi ta’ Forest, b’Awoniyi, fil-55 minuta, jara t-tenattiv tiegħu jaħbat mal-lasta u bl-istess plejer jirreaġġixxi għar-rebound biex jegħleb għal kollox lill-gowlkiper Alisson.
Liverpool dehru maħsuda, b’Virgil van Dijk jitlef l-aħjar ċans għalihom tul il-logħba – bil-gowlkiper ta’ Forest, Henderson, iwettaq save brillanti fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Trent Alexander-Arnold, għaxar minuti mit-tmiem It-tisfira finali tar-referi intlaqgħet b’pandemonju sħiħ mill-plejers u l-partitarji ta’ Forest li setgħu jiċċelebraw l-aqwa ġurnata tagħhom mindu rebħu l-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni Ingliża wara nuqqas ta’ 23 sena. Sadanittant, Liverpool mistennija jagħmlu minn kollox biex jindirizzaw il-bidu diżastruż għall-istaġun u meta huma, issa, jinsabu fis-seba’ post tal-Premier League u mingħajr rebħa waħda barra minn darhom mill-bidu tal-kampjonat.

Fl-Etihad Stadium

Manchester City v Brighton 3-1


Iċ-Champions Ingliżi Manchester City ikkonsolidaw it-tieni post fil-klassifika wara rebħa, 3-1, fuq Brighton and Hove Albion li żgur ma kenitx faċli daqskemm jindika r-riżultat.
Intant, is-Citizens ta’ Pep Guardiola jinsabu punt biss taħt il-liders Arsenal li llum huma impenjati għand Southampton fit-tieni fażi tal-programm ta’ tmiem il-ġimgħa.

L-attakkant ta’ City, Erling Haaland, kompla jimpressjona f’din il-logħba b’żewġ gowls oħra skurjati t-tnejn fl-ewwel taqsima…Żewġ gowls li jfissru li n-Norveġiż sab ix-xibka xejn anqas minn 17-il darba fl-ewwel 11-il ħarġa tiegħu fil-Premier League Ingliż. L-ewwel gowl wasal fit-22 minuta meta Haaland żgiċċa mill-isfida fjakka ta’ Webster biex jixħet b’xibka vojta. L-istess plejer imbagħad għamilhom tnejn mill-penalty spot wara li l-VAR ikkonferma fawl fil-kaxxa ta’ Dunk fuq Bernardo Silva.

Brighton tjiebu ferm fit-tieni taqsima u kienu perikolużi diversi drabi, b’Leandro Trossard inaqqas id-distakk b’xutt mill-bogħod. Iżda l-gowl deċiżiv kien ta’ City meta – dritt wara attakk perikoluż ta’ Brighton – Kevin de Bruyne approfitta minn kontra-attakk isib ix-xibka b’xutt bid-dawwra għat-3-1 finali.

F’Goodison Park

Everton v Palace 3-0
Everton temmew is-sekwenza negattiva ta’ tliet telfiet konsekuttivi b’rebħa impressjonanti, 3-0, fuq Crystal Palace f’Goodison Park.
Dominic Calvert-Lewin, li kien ilu nieqes mit-tim għal ħafna ġimgħat, poġġa lit-Toffees fil-vantaġġ wara biss 11-il minuta meta dar ma difensur u sammar xutt baxx fir-rokna tax-xibka.
Everton baqgħu jiddominaw, b’Palace ftit ikunu perikolużi, u bit-Toffees jirduppjaw fit-tieni taqsima meta Anthony Gordon (63) kien pront biex jixħet ġewwa minn rebound. Hawnhekk inqalgħet ftit tal-kontroversja wara li l-VAR, għall-bidu, annulla l-gowl minħabba ‘offside’ qabel ikkonvalidah, minuta wara u wara analiżi oħra tal-azzjoni.

Il-gowl iddemoralizza għal kollox lil Palace, b’Everton jitilfu diversi ċansijiet ta’ skor sakemm is-sostitut Dwight McNeil għalaq il-konfront bit-tielet gowl għat-Toffees, sitt minuti mit-tmiem.
B’din ir-rebħa, Everton telgħu fil-ħdax-il post tal-klassifika tal-Premier, l-istess bħal Crystal Palace, iżda b’logħba aktar.

F’Stamford Bridge

Chelsea v Manchester United 1-1

Chelsea u Manchester United ħadu punt kull wieħed minn konfront missielet fi Stamford Bridge li rriserva l-aktar ħinijiet drammatiċi għall-aħħar minuti.
Dawn iż-żewġ avversarji qegħdin jiġġieldu għal post fiss mat-‘Top Four’ tal-Premier League u għalissa, il-Blues ta’ Graham Potter qed igawdu vantaġġ ta’ punt fuq ir-Red Devils. Tal-aħħar, sadanittant, qegħdin juru titjib kbir fuq l-istaġun li għadda u minkejja li din id-darba huma salvaw dro in-extremis, mhemmx dubju li kien ħaqqhom xi ftit aħjar speċjalment wara li ddominaw għal kollox lill-Blues fl-ewwel taqsima.

Fl-ewwel 45 minuta, United kieni kmandi f’nofs il-grawnd u marru viċin darbtejn – bl-ewwel azzjoni taqa’ f’saqajn Marcus Rashford li ra t-tentattiv mill-viċin innewtralizzat minn Kepa u bl-attakkant Brażiljan Antony jara x-xutt tiegħu jgħaddi kemmxejn barra. Intant, Graham Potter saħħaħ il-midfield bl-inklużjoni ta’ Kovacic u l-Blues minn dak il-ħin bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji anki jekk l-azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti kienu ftit.

Il-logħba dehret destinata għax-0-0 iżda fil-85 minuta, Scott McTominay, li kien daħal bħala sostitut, spiċċa jissara ma’ Armando Broja fuq azzjoni ta’ korner u b’talaħħaar jaqa’ fil-kaxxa – bir-referi Stuart Atwell jipponta lejn il-ħdax-il metru….Deċiżjoni pjuttost ħarxa mar-Red Devils. Inkariga ruħu l-midfielder Jorginho li xeħet il-ballun fix-xibka — u lil de Gea in-naħa l-oħra – għall-vantaġġ tal-Blues u meta kien għad fadal biss żewġ minuti ta’ logħob regolamentari.
Il-ħin miżjud kien ta sitt minuti u United xeħtu kollox fuq l-attakk biex isalvaw xi ħaġa mil-logħba. Intant, l-isforzi tagħhom kienu premjati meta, fl-94 minuta, Luke Shaw dendel ballun fil-kaxxa fejn sab lil Casemiro, li, bir-ras, għeleb lil Kepa għall-1-1, bil-gowlkiper ikompli l-ballun għal ġewwa. Il-gowl kien ikkonfermat mill-goal-line technology u kien anki l-aħħar azzjoni tal-logħba.

Il-Ħadd

3:00pm


Wolves v Leicester City
Aston Villa v Brentford
Southampton v Arsenal
Leeds United v Fulham

5:30pm
Tottenham Hotspurs v Newcastle United
It-Tnejn

9:00pm
West Ham United v Bournemouth