Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lid-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo

Umiltà u ġenerożità, persuna ta’ stoffa u integrità. Dawn kienu il-karatteristiċi li sawru lil Robert Arrigo.

Hekk sostna Dun Claude Portelli fl-omelija li indirizza lill-folla preżenti fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan li s-Sibt filgħodu nġabru sabiex jagħtu l-aħħar tislima lill-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Deputat Parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo li tilef ħajtu nhar it-Tlieta 18 ta’ Ottubru.

Huwa saħaq li Robert Arrigo mess il-ħajja ta’ ħafna nies u li dejjem ħadem fis-skiet.

Dun Claude sostna li bis-sempliċità tiegħu, Robert Arrigo qatt ma ħares lejn uċuh iżda dejjem ħares lejn dak li kien ta’ ġid għall-bniedem.

It-tislima lil Robert Arrigo bdiet permezz ta’ korteo funebri mill-pjazza ta’ Spinola propju lejn il-Knisja ta’ San Ġiljan..akkumpanjat mill-Banda San Ġiljan u l-Banda San Girgor..li tagħhom kien president onorarju.

Preżenti għall-funeral kien hemm fost l-oħrajn mart Robert Arrigo, Marina, uliedu Alan u Andrew, il-Kap tal-PN, Bernard Grech, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kif ukoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.

Preżenti wkoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela.

Apparti x-xogħol imprezzabbli li wettaq tul is-snin fil-politika kif ukoll fis-settur tat-turiżmu, Robert Arrigo serva ukoll bħala President tal-club tal-futbol ta’ Sliema Wanderers, Viċi President ta’ Neptunes u kien Sindku ta’ Tas-Sliema. Għamel ukoll perjodu bħala chairman tal-kumpanija Media.Link Communications.

Intant fi tmiem il-funeral, iben Robert Arrigo, Andrew Arrigo ħabar li l-attivitajiet li kien qed jorganizza proprju missieru għax-xahar ta’ Diċembru b’risq Puttinu Cares xorta waħda se jiġu organizzati.

Intant, il-ktieb ta’ kondoljanzi għall-memorja ta’ Robert Arrigo li tul l-aħħar jiem tqiegħed fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista tul il-jum tal-Ħadd se jkun qiegħed jittieħed fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat Għawdex, fejn wieħed għandu ċans iħalli l-messaġġ tiegħu mid-0930 ta’ filgħodu sa nofsinhar.

Bosta taw l-aħħar tislima lil Robert Arrigo deskritt minn bosta bħala raġel ta’ qalb kbira, iżda fuq kollox missier, nannu u bniedem li kien ta’ spalla għal ħafna nies. Inselmulek Robert.

Ritratti: Joseph Galea