Lokali

65% tal-Maltin huma inkwetati bl-iżvilupp eċċessiv

Kważi 65% tal-Maltin huma inkwetati minħabba l-iżvilupp eċċessiv f’pajjiżna.

Sondaġġ tal-illum qal hemm tħassib kbir fost il-Maltin dwar il-kostruzzjoni, u x’tip ta’ kostruzzjoni qed issir f’ Malta u f’Għawdex, bl-Għawdxin, 83% minnhom huma inkwetati minħabba l-iżvilupp eċċessiv.

Dwar l-iżvilupp f’Għawdex fl-aħħar jiem rajna anki opinjoni fuq Facebook tal-MEP Laburista Alfred Sant fejn tenna li s-sitwazzjoni qed tħassbu u li jibża’ li Għawdex se jitlef il-karatteristiċi tiegħu, l-istess sentiment kien espress ukoll fost l-Għawdxin bi 41.5% tal-persuni Għawdxin li wieġbu għas-sondaġġ jgħidu li dan kollu huwa tort tal-Gvern.

Wara l-Għawdxin l-aktar li huma inkwetati huma dawk li jgħixu fit-Tramuntana bħal in-Naxxar, il-Mosta u San Pawl il-Baħar fost l-oħrajn b’66.9% huma inkwetati bil-mod kif qed isir l-iżvilupp u l-bini għoli. Isegwu l-lokalitajiet tat-Tramuntana tal-Port, Pembroke, San Ġiljan u Tas-Sliema b’68%.

Dawk li jgħixu fix-Xlokk ta’ Malta huma lanqas li jinsabu inkwetati dwar dan il-materja b’55.3% jgħidu li huma inkwetati.

68% tal-persuni li għandhom bejn is-16 u li pparteċipaw f’dan is-sondaġġ qalu li huma inkwetati ferm, filwaqt li bejn l-etajiet ta’ 35 u 50 sena huma 67% li huma inkwetati b’dan l-iżvilupp u dawk bejn il-51 u 65 sena 60%.

L-illum qalet li kien hemm ukoll differenza fit-tweġibiet skont il-livell edukattiv hekk kif 79.2% tal-parteċipanti b’livell edukattiv terzjarju esprimew tħassib filwaqt li 24% ta’ dawk b’edukazzjoni primarja qalu li l-bini u l-krejnijiet ma’ kull kantuniera mhux idejjaqhom.