Lokali Qorti

Argument fuq l-awrina jwassal għal raġel jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża

Argument bejn żewġt irġiel fuq l-awrina spiċċa fi ġlieda fin-Naxxar bl-aggressur jammetti u jiġi kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li l-irġiel spiċċaw il-Qorti. Xehed il-vittma Simon Abela minn Naxxar li qal li kien isib l-awrina ħdejn il-garaxx tiegħu u dejjem kien jissuspetta fl-akkużat, Alexander Mifsud ukoll minn Naxxar.

Għalhekk kien iffaċċah, iżda l-akkużat qal li ma jimpurtahx. Abela qal lill-Qorti li, wara dan, l-akkużat beda jobżoq mal-art kull meta kien jarah. Qal li dakinhar tal-inċident, kien ra lill-mara tal-akkużat u talabha biex jitħalla bi kwietu. Iżda l-akkużat marlu d-dar aktar tard u malli fetaħ il-bieb beżaq fuqu.

Abela sostna li nduna li Mifsud kien se jagħtih daqqa ta’ ponn u għalhekk kien hu li ta daqqa ta’ ponn l-ewwel, u laqat lill-akkużat f’wiċċu. Mifsud imbagħad tefa’ lil Abela mal-art u tah bis-safety shoes u ħallieh b’diżabilità permanenti. Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li għalkemm ingħataw żewġ verżjonijiet kemmxejn differenti tal-avvenimenti, dik mogħtija mill-vittma kienet, bla dubju, aktar veritiera.

Għalhekk sabet lil Mifsud ħati li weġġa’ lil Abela iżda mhux ħati li beżaq u kiser il-paċi minħabba nuqqas ta’ provi. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs sospiża, il-Qorti poġġiet ukoll lil Mifsud taħt ordni ta’ trażżin għal tliet snin u mmultatu €305, u wissietu wkoll bir-riperkussjonijiet jekk jonqos milli jaderixxi mas-sentenza. L-Ispettur Roderick Spiteri mexxa l-prosekuzzjoni. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb kienu l-avukati difensuri. L-Avukat Edward Gatt deher bħala parte civile.