Rowen Camilleri
FLORIANA……….0
BALZAN………….0
Floriana: G. Kitanov, A. M. Overend, C. Rutjens (Z. Cassar 53’), O. El Hasni, M. Veselji (K. Reid 66’), A. Ciolacu (L. Trillo 46’), E. Juarez, O. Spiteri, C. Z. Lonardelli (J. Busuttil 46’), K. Nwoko (E. Hershkovich 66’), L. De Grazia
Balzan: J. Debono, I. Bozovic, S. Arab, M. Grima (N. Braunovic 56’), P. Fenech, U. Ljobomirac, M. Zlatkovic, M. Raso, M. Nogureira, A. Bradshaw (A. Satariano 70’), B. Kaljevic (S. Jalu 77’)
Imwissija: C. Rutjens 21’, O. El Hasni 36’, Z. Cassar 57’, L. Trillo 88’ (F), I. Bozovic 27’, P. Fenech 35’, M. Grima 39’, A. Bradshaw 41’, U. Ljubomirac 58’ (B)
Referee: T. Farugia Cann
Assistenti Referees: Luke Portelli u Shaun Calleja
BOV Plejer tal-Logħba: Bojan Kaljevic (Balzan)
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Uros Ljubomirac (Balzan)
F’partita movimentata għall-aħħar, li kien jimmerita li fiha jkun hemm il-gowls. Floriana u Balzan spiċċaw fi draw ta’ 0-0 li fl-aħħar mill-aħħar kien wieħed ġust hekk kif kien apparti li Floriana kellhom aktar pussess kien hemm bilanċ f’dawk li huma xuttijiet lejn il-lasti. Floriana kellhom żewġt iblalen li ħabtu mal-lasti permezz ta’ Rutjens u De Grazia filwaqt li l-attakkant ta’ Balzan Bojan Kaljevic ukoll kien sfortunat li kellu daqqa ta’ ras mill-viċin li stampat mal-mimduda.
L-ewwel periklu tal-partita wasal fid-29 minuta minn Floriana meta minn free-kick ta’ De Grazia kien Rutjens li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-mimduda. Minuta wara Paul Fenech jitfa’ ballun fil-kaxxa fejn sab lil Ljubomirac li kompla lejn Nogureira li bir-ras tefa’ għoli. Fit-32 minuta Balzan reġgħu fuq l-attakk fejn Kaljevic għadda ‘l quddiem lejn Ljubomirac li minn quddiem Kitanov ra lil goalkeeper Bulgaru jilqa’ tajjeb qabel mad-difiża tajret il-periklu. Din kienet l-aħħar azzjoni qabel inemmet l-ewwel taqsima.
Floriana għamlu żewġ bidliet fil-mistreiħ fejn daħlu lil Lorenzo Trillo u lil Jan Busuttil b’dan tal-aħħar wara biss żewġ minuti tefa’ kross insidjuż fil-kaxxa li sab lil Kyrian Nwoko iżda l-eks attakkant ta’ Valletta zbalja d-daqqa ta’ ras u tefa’ barra. Mas-siegħa logħob kien imiss lil Balzan li jkunu mċaħħda mill-mimduda meta minn throw-in dirett fil-kaxxa Bojan Kaljevic għola fuq kulħadd u d-daqqa ta’ ras tiegħu stampant mal-mimduda. Fil-75 minuta Floriana mpenjaw lil Debono meta s-sostitut Lorenzo Trillo dendel ballun fuq ras Jan Busuttil li minn taħt Debono d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet ċentrali u ġiet salvata mill-goalkeeper ta’ Balzan.. Fit-80 minuta l-captain ta’ Balzan Paul Fenech prova xutt sabiħ minn tliet kwarti ta’ ground li għadda ftit barra. Minuta wara Floriana għal darb’oħra sfortunati meta minn kross ta’ Kemar Reid, De Grazia jipprova mill-ewwel b’xutt b’saħħtu li wkoll ħabat mal-lasta.
L-andament lejn l-aħħar minuti baqa’ l-istess biż-żewġ timijiet jgħamlu l-almu tagħhom biex jiżblokkaw ir-riżultat u fis-87 minuta minn azzjoni personali Suleiman Jalu javvanza lejn in-nofs u minn tarf il-kaxxa ra l-konklużjoni tiegħu tgħaddi tħakkek mal-mimduda. Fid-89 minuta Trillo jitfa’ kross preċiż lejn Hershkovich li minn taħt il-lasta żbalja kompletament id-daqqa ta’ ras bil-ballun jibqa’ sejjer throw-in. Wara erba’ minuti ta’ ħin miżjud Trustin Farrugia Cann saffar tmiem il-partita biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
//= $special ?>