Aħna qed noffru tama fil-qasam tax-xogħol, fil-qasam ambjentali, fil-qasam tas-saħħa, fil-qasam edukattiv u fil-qasam tas-sigurtà u iżda, fuq kollox, nifs ġdid fil-politika biex inti tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar u li tixraqli
Smajna ħafna fuq il-passat, iżda kif jgħidu, kull paragun odjuż, però tajjeb li nagħtu ħasra lura u naraw ftit iċ-ċifri.
Skont l-istess NSO, f’Lulju tal-2008 id-dejn pubbliku kien ta’ €3.49 biljun. Fl-Lulju tal-2013 (l-elezzjoni kienet saret f’Marzu tal-2013), id-dejn kien jammonta għal €4.98 biljun. Dan ifisser li f’ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista, fl-eqqel ta’ kriżi finanzjarja mondjali u fi żmien ta’ sfidi kbar, id-dejn matul dawn il-ħames snin żdied b’madwar €1.49 biljun jew aħjar 29.9 fil-mija.
Il-Mument tkellem dwar din is-sitwazzjoni ma’ Jerome Caruana Cilia, il-Kelliem tal-PN għall-Qasam tal-Finanzi, li qal li hu ħasra li fi żmien fejn is-sitwazzjoni dwar id-dejn tjiebet matul il-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern Laburista berbaq kemm felaħ. Ġie jaqa’ u jqum, u ra li tal-qalba jiffangaw kemm jifilħu. Ma ħasibx għal żmien iebes. Kemm hu kruċjali li naraw li jkun hemm buffer li jkun jista’ jiġi utilizzat fi żminijiet diffiċli bħal dawn.
Mistoqsi dwar min jissikka ċ-ċinturin u min iberbaq, Jerome Caruana Cilia qal li waħda mill-ikbar problema, tidher, li m’għandniex biżżejjed biex nikkumbattu l-kriżi. Dak li ilna ngħidu sar rilevanti iktar minn qatt qabel. Ripetutament, bi kliem jew ieħor, qed jgħidulna biex nissikkaw iċ-ċinturin. L-ironija hi li qegħdin f’sitwazzjoni fejn hemm min qed ikollu jissikka ċ-ċinturin iżda hemm min qed ikompli jberbaq mill-fondi pubbliċi. Kuljum għadna nisimgħu b’każi xokkanti ta’ ħela, tberbiq u korruzzjoni minn flusna.
Mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-COLA u jekk dan il-mekkaniżmu għandu jinżamm, jinbidel jew jitneħħa, Jerome Caruana Cilia spjega li għad fadlilna x’nisimgħu dwar il-mekkanizmu tal-kumpens għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja jew kif inhi magħrufa l-COLA.
Mill-ewwel iqumu numru ta’ mistoqsijiet.
• Il-COLA hu mekkaniżmu ġust bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja?
• Permezz tal-COLA jista’ qatt ikolli paga diċenti?
• Bil-COLA nista’ xi darba ngħix kwalità ta’ ħajja aħjar f’ċirkostanzi fejn il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali dejjem jogħlew?
“Filwaqt li hu kruċjali li nitkellmu dwar il-mekkaniżmu tal-COLA, biex il-ħaddiema u l-professjonisti jgħixu ħajja ta’ kwalità aħjar mil-lat finanzjarju, jeħtieġ investiment f’niċeċ ekonomiċi ġodda.
“B’dan il-mod mhux biss noħolqu x-xogħol, imma xogħol ta’ kwalità aħjar, value added u b’pagi li jrendu. B’hekk il-ħaddiema jimxu ’l quddiem u tiżdied il-mobbiltà soċjali. Dan rajnih fil-passat meta nħolqu s-settur tas-servizzi finanzjarji, il-gaming, il-marittimu, l-avjazzjoni u l-farmaċewtika fost oħrajn.
“Dawn kollha jħaddmu magħhom eluf ta’ ħaddiema u professjonisti. Biex iddaħħal kull qasam kien hemm proċess. Proċess li ħa snin sħaħ. Kien hemm viżjoni ekonomika ċara,” qal Jerome Caruana Cilia.
Dan wassal għall-ekonomija b’saħħitha, diversifikata u waħda reżiljenti. Din il-viżjoni ekonomika flimkien mal-bżulija tal-ħaddiema u l-professjonisti, u l-kuraġġ u l-għaqal tal-imprendituri Maltin u Għawdxin, wasslet biex pajjiżna seta’ jikkumbatti kriżijiet varji. Minbarra l-COLA, hemm bosta għajnuniet u inċentivi f’forom differenti, li jistgħu jingħataw mill-Gvern Ċentrali.
Ta’ min jara l-inċentivi li ngħataw jew se jingħataw f’diversi pajjizi oħrajn, anke permezz ta’ minibaġits li saru matul din is-sena. Il-punt saljenti jibqa’ li biex ikollna pagi aħjar, jeħtieġ li l-Gvern ikollu pjan ċar u konkret biex jinħolqu niċeċ ġodda fl-ekonomija. Il-Gvern ma jistax jaqta’ qalbu li joħloq setturi ekonomiċi ġodda fl-ekonomija tagħna. Dwar dan fadal ħafna xi jsir.
Mistoqsi dwar il-fatt li kull sena tqum il-mistoqsija dwar kemm se tkun il-COLA, Jerome Caruana Cilia fisser li jekk wieħed jagħti ħarsa, sena b’sena, lejn kemm kienet il-COLA mis-sena 2000 sal-lum, isib li l-ogħla ammont ta’ COLA fil-ġimgħa kien dak ta’ €5.82, fl-2010; filwaqt li l-inqas €0.58, fl-2015.
Din is-sena d-diskussjoni ħadet iktar importanza. Fi żmien fejn għandna rata ta’ inflazzjoni rekord, l-għafsa qed tinħass minn bosta. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), f’Awwissu ta’ din is-sena l-inflazzjoni f’Malta telgħet għal 7 fil-mija (NSO, 2022).
Jerome Caruana Cilia fisser li qegħdin f’ċirkustanzi fejn filwaqt li ripetutament, b’xi mod jew ieħor, qed jgħidulna biex nissikkaw iċ-ċintorin, kellna Ministru tal-Kabinett Laburista tgħidilna biex induru ħanut ħanut biex niffrankaw xi ewro. Sadattant il-Ministru tal-Finanzi mill-baġit allokat se jqaċċat mal-€200 miljun kuljum u dawn filwaqt li għadna nisimgħu bi stejjer dwar ħala u sparpaljar ta’ flus il-poplu.
“Aħna qed noffru t-tama fejn tidħol il-governanza t-tajba u rrid nara li l-finanzi pubbliċi jintużaw kif suppost, għall-ġid komuni u mhux għall-ġid personali.
“Nittama li fil-baġit ippreżentat għada jkun hemm viżjoini. Iżda dak li hemm nieqes hu ta’ fejn se nieħdu lil dan il-pajjiż? In-nuqqas ta’ ppjanar fejn wasal fl-assurduta li f’ċerti oqsma issa wasalna tassew biex neżawrixxu l-limiti kollha.
Il-Ministru tal-Finanzi kkonferma li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja se jkun bejn €9 u €10. Dawn iċ-ċifri kienu diġà ssemmew sa minn ġimgħat ilu. Min jgħidlek li dan l-ammont mhux biżżejjed u min iħaddem jgħidlek li ma jaffordjawx jagħtu dawn iż-żidiet.
Il-biża’ tibqa’ li ċertu żidiet fl-operating cost jerġgħu jintefgħu fuq il-konsumatur u saħansitra terġa’ tkompli żżid l-inflazzjoni. L-ikbar żidiet kienu fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali bħall-ikel.
Mistoqsi x’jantiċipa li se jkunu qed jagħmlu n-negozji biż-żidiet fl-operating costs, Jerome Caruana Cilia qal li stħarriġ mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem li sar din is-sena wera biċ-ċar li madwar 72 fil-mija tan-negozji se jgħaddu parti jew iż-żidiet kollha tal-ispejjeż relatati mal-operat lill-konsumatur.
Meta kienu mistoqsija kif se jimmaniġġjaw iż-żidiet fl-operating costs, 50 fil-mija tan-negozji wieġbu li se jgħaddu parti miż-żidiet tal-ispejjeż relatati mal-operat lill-klijenti tagħhom. Saħansitra 22 fil-mija tal-kumpaniji se jgħaddu ż-żidiet fl-operating costs kollha lill-klijenti u l-konsumaturi. Kienu biss 28 fil-mija li qalu li huma se jassorbu ż-żidiet kollha tal-ispejjeż relatati mal-operat.
Mistoqsi dwar l-isfidi li min iħaddem qiegħed jiffaċċja f’dawn iċ-ċirkustanzi partikulari, Jerome Caruana Cilia spjega li skont studju tal-Kamra tal-Intrapriżi ż-Żgħar li sar din is-sena, jirriżulta li min iħaddem qed jiffaċċja bosta sfidi, ewlenin fosthom żidiet fl-operating cost: jiġifieri ż-żidiet fl-ispejjeż marbuta mal-overheads, mal-importazzjoni mas-supplies u anki l-inflazzjoni ġenerali u t-talba għal żidiet fis-salarji.
Ta’ min jinnota li skont il-pre-budget survey tal-Kamra tal-Intrapriżi ż-Żgħar, l-ikbar sfida (ftit inqas minn 45 fil-mija) tan-negozji hi relatata man-nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq jew ħaddiema li m’għandhomx il-ħiliet meħtieġa.
Din tal-aħħar tista’ twassal għal sfida relatata ma’ talent retention f’ċertu setturi u li ġeneralment twassal għal żieda fil-pagi f’ċertu setturi lil hinn miż-żieda annwali tal-COLA. Din iż-żieda, flimkien ma’ spejjeż oħra, tista’ twassal biex tnaqqas il-kompetittività tal-kumpaniji għad-detriment mhux biss tal-imprenditur Malti imma wkoll għall-ħolqien tal-ġid.
Jerome Caruana Cilia żied li dawn iċ-ċirkostanti wasslu lil bosta jistaqsu jekk il-mekkaniżmu tal-COLA, kif maqbul madwar 32 sena ilu, għadux wieħed validu u li jagħmel sens. ”Ħa nkun ċar, diġà sħaqt li għal dan il-baġit, għandu jintuża l-mekkaniżmu eżistenti u ma jkunx hemm tibdil ad hoc, ġimgħat qabel jitħabbar il-baġit. Però jeħtieġ li flimkien, bis-serjetà u b’matura, inħarsu ’l quddiem ħalli naraw li l-mekkaniżmu tal-kumpens għall-għoli tal-ħajja jkun wieħed ġust u tajjeb għaż-żminijiet tal-lum.
Hawnhekk tkellimna dwar it-tkattir tal-ġid għal kulħadd u Jerome Caruana Cilia spjega li l-istħarriġ, l-istudji u l-position papers tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem u tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija juru li f’ċirkostanzi diffiċli bħal dawn, il-biża’ tkun li jkun hemm spiral inflation li tista’ twassal għal impatt qawwi fuq min iħaddem b’detriment lejn is-sostennibbiltà tan-negozju.
Dan jista’ jaffettwa wkoll lill-ħaddiema. Ma jkunx sew jekk f’pajjiżna nispiċċaw f’ħafna battibekki bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u min iħaddem. L-enerġija u r-rizorsi għandhom jiġu ffukati biex inkomplu noħolqu l-ġid u naraw li minnu jgawdi kulħadd – mill-kbir saż-żgħir.
F’dan il-kuntest il-Forum Unions Maltin, il-General Workers Union, il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin u l-UĦM Voice of the Workers,
ħala front wieħed, se jkunu qed jippreżentaw proposta li permezz tagħha l-mekkaniżmu tal-COLA jkun jista’ jirrispondi għal ċirkostanzi bħal dawn filwaqt li jkun assigurat li ssir ġustizzja fl-interess tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.
Huma qed iressqu din il-proposta kemm b’responsabbiltà lejn il-membri iżda wkoll biex titħares is-sostenibbiltà tal-impjiegi. Għal dawn l-aħħar tliet diċenji l-mekkaniżmu eżistenti, żamm “atmosferma ta’ paċi industrijali, relazzjonijiet industrijali stabbli u ġustizzja soċjali”.
Dan ifisser li jidher li hemm qbil bejn l-imsieħba soċjali ewlenin li ma nistgħux nibqgħu f’dan l-istatus quo. Jekk ma jsirux it-tibdiliet meħtieġa, b’kawtela imma mingħajr dewmien żejjed, ikun hemm il-possibbiltà li nipperikolaw il-benesseri tal-ħaddiema u min iħaddem ukoll. Nipperikolaw l-atmosferma ta’ paċi industrijali li teżisti bejn l-imsieħba soċjali.
Mistoqsi x’jiġri f’ċirkostanti straordinarji, Jerome Caruana Cilia qal li kemm-il darba wieħed iħares lejn id-dokument oriġinali tal-1990, ‘Qbil Nazzjonali dwar Relazzjonijiet Industrijali’ ), f’paragrafu 1.2, jingħad li “għall-finijiet ta’ dan il-ftehim, il-perċentwali taż-żieda fl-għoli tal-ħajja li għandu jkun meħud fil-kalkolu tal-COLA għal kull sena, ikun determinat mill-moviment li jirriżulta fl-indiċi (annual average) fit-12-il xahar li jagħlqu fl-aħħar ta’ Ġunju tas-sena ta’ qabel”.
Il-żieda bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja mbagħad jiżdied b’effett mill-ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena.
Artiklu 5 tal-istess ftehim jitratta ċ-ċirkostanzi straordinarji li jistgħu jinqalgħu. “Jibqa’ miftiehem li fejn u meta jinqalgħu ċirkostanti straordinarji li minħabba fihom l-ekonomija tal-pajjiż, fil-fehma unanima tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, ma tkunx tiflaħ issostni xi waħda jew iż-żidiet kollha miftiehma, allura l-Kunsill jista’ jawtorizza tibdil f’dan il-ftehim taħt dawk it-termini u għal dak il-perjodu li l-istess Kunsill jista’ jiddetermina”.
Mistoqsi x’inhuma dawn iċ-ċirkostanti straordinjari, Jerome Caruana Cilia qal li dan id-dokument tal-1990 jelenka tliet eżempji ta’ x’inhuma ċ-ċirkostanzi straordinjari:
1. Meta l-inflazzjoni f’Malta tiżboq b’1 fil-mija l-inflazzjoni tal-main trading partners tagħna, liema inflazzjoni tiġi kkalkulata fuq trade weighted average.
2. Meta l-Prodott Gross Domestiku (GDP) reali (seasonally adjusted) jonqos f’żewġ trimestri konsekuttivi.
3. Meta l-impjiegi fis-settur privat jonqsu f’żewġ trimestri konsekuttivi.
Dan ifisser li dak li qed nesperjenzaw bħalissa, jiġifieri rata ta’ inflazzjoni rekord, strettament ma taqax taħt waħda minn dawn l-eżempji. Sal-lum ma jeżistix mekkaniżmu separat ta’ kif tiġi indirizzata l-problema tal-għoli tal-ħajja f’ċirkostanzi straordinarji.
Dwar l-inflazzjoni rekord ta’ sebgħa fil-mija reġistrata f’Awwissu li għadda, Jerome Caruana Cilia qal li l-fatt li l-inflazzjoni relatata mal-qasam tal-enerġija qed tiġi ssussidjata kollha kemm hi mit-taxxi tagħna jew kif jgħidu bosta mill-kaxxa ta’ Malta, qed iħalli effett pożittiv fuq il-konsumaturi għaliex bħalissa pajjiżna għandu waħda mill-inqas rati ta’ inflazzjoni (total) meta mqabbel mal-pajjiżi fiz-zona ewro.
Skont il-Eurostat, minn Lulju għal Awwissu ta’ din is-sena pajjiżna kellu waħda mill-għola żidiet fir-rata ta’ inflazzjoni (monthly rate change) fost il-pajjiżi fiż-żona ewro, dik ta’ 1.2 fil-mija (Eurostat, 2022).
Pajjiżna kellu wkoll żieda sostanzjali f’termini perċentwali fir-rata tal-inflazzjoni, minn Awwissu tas-sena l-oħra għall-istess perjodu din is-sena: minn 0.4 fil-mija fl-2021 għal 7 fil-mija fl-2022 (Eurostat, 2022).
Skont l-istatistika tal-NSO (2022) stess, jekk wieħed ineħħi l-impatt tal-enerġija u ikel mhux proċessat, Malta jkollha inflazzjoni ferm ikbar mill-medja tal-pajjiżi taż-zona ewro. Dan jista’ jfisser li eventwalment, meta l-prezz tal-enerġija jerġa’ jibda jinżel fil-pajjiżi taz-zona ewro, pajjiżna jista’ jkun qed jara rata ta’ inflazzjoni ferm iktar mill-main trading partners tagħna.
Dwar it-triq ’il quddiem, Jerome Caruana Cilia fisser li meta tisma’ u titkellem mal-membri tal-korpi kostitwiti, filwaqt li kollha għandhom ir-raġunijiet u l-ideat personali tagħhom dwar il-mekkaniżmu tal-COLA, malajr tintebaħ li kollha huma miftuħa għad-djalogu.
Jerome Caruana Cilia fisser li l-problema hi li l-għada tal-Baġit min kien fit-traffiku se jibqa’ fit-traffiku, it-tfal li qed jitgħallmu fil-kontejner se jibqgħu jitgħallmu fil-kontejner, min kien fil-waiting lists se jibqa’, il-korruzzjoni u t-tberbiq se jissoktaw, il-prekarjat se jissokta, il-qerda ambjentali se tibqa’ hemm…
“Aħna ridna noffru tama. It-tama tagħna hi li noħolqu x-xogħol b’pagi tajbin. Viżjoni fil-qasam edukattivi. Fil-qafas regolatorju u jkollna liġijiet li jiffunzjonaw. Inħajru liż-żgħażagħ jibqgħu jistudjaw u jkollna l-kapaċità li nsewwu r-reputazzjoi tagħna biex nattiraw aktar investiment f’pajjiżna.
“Mhux qed nivvintaw ir-rota iżda qed nitgħallmu mill-esperjenzi passati billi qed inħeġġu t-tama.
“Il-Gvern qed jaqta’ qalbu mill-viżjoni. Konna grey listed. L-uniku pajjiż li konna grey listed. Inħares ’il quddiem għaliex fl-aħħar sena s-settur privat ħadem u ġibna esperti f’dan ir-rigward li tant huma kbar fl-esperjenzi li nistgħu nesportaw dawn l-esperjenzi. Hemm l-għatx fis-settur privat li jesporta dawn l-esperjnzi… iżda min-naħa tiegħu l-Gvern m’għamel xejn. Kellu l-esperti iżda m’għamel xejn.
Aħna qed noffru tama fil-qasam tax-xogħol, fil-qasam ambjentali, fil-qasam tas-saħħa, fil-qasam edukattiv u fil-qasam tas-sigurtà u iżda, fuq kollox, nifs ġdid fil-politika biex inti tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar u li tixraqli,” temm Jerome Caruana Cilia.
F’BOX SCREEN F’PG 7
Il-PN qed jagħti l-appoġġ kollu lill-MCESD
Il-PN qed jagħti l-appoġġ lill-partijiet kollha fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) biex:
1. Għall-baġit 2023 jintuża l-mekkaniżmu eżistenti tal-COLA u ma jkunx hemm tibdil ad hoc, mingħajr il-qbil tal-membri kollha tal-MCESD.
2. Fil-kuntest ta’ bħalissa, il-Gvern għandu jagħti l-għajnuna lil min iħaddem, fost oħrajn, permezz ta’ inċentivi fiskali, ħalli jassigura li s-settur privat jibqa’ wieħed kompetittiv u għaldaqstant ikompli jikkontribwixxi fil-ħolqien tal-ġid.
3. Il-Gvern jeħtieġ li bis-serjetà jidħol fi djalogu ġenwin mal-partijiet kollha, u mhux jadotta a top-down approach, ħalli tassew ikollna relazzjonijiet industrijali stabbli u kwalità ta’ ħajja aħjar.
4. Ikun hemm diskussjoni matura u sens ta’ djalogu ġenwin bejn il-partijiet kollha dwar il-mekkaniżmu attwali tal-COLA.
5. Jiġu stabbiliti kriterji ġodda u iktar wiesa’ ta’ x’jiġi kkunsidrat bħala perjodu ta’ ċirkostanzi straordinarji u li fih, bi ftehim mal-membri kollha tal-MCESD, jibda jitħaddem mekkaniżmu ġdid f’ċirkostanzi straordinarji.
6. Jiġi implimentat, bi bqil mal-membri kollha tal-MCESD, it-tieni mekkaniżmu ġdid, bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja, għal dawk l-iktar vulnerabbli.
7. Ikun hemm żieda tal-COLA sħiħa u mhux parti minnha għal min ma kellux żidiet bi ftehim kollettiv.
8. Wara feedback mill-imsieħba soċjali, nemmnu li l-Low Wage Commission, li mistennija tagħmel rakkommandazzjoni formali s-sena d-dieħla, tibda djalogu mingħajr dewmien żejjed u b’hekk tibda tiltaqa’ b’mod ferm iktar regolari ħalli bis-serjetà jkun hemm diskussjoni matura mal-partijiet kollha.
9. Wieħed ma jistax jieħu inkonsiderazzjoni li jaġġorna l-mekkaniżmu għall-kumpens tal-għoli tal-ħajja mingħajr ma jħares lejn is-sitwazzjoni preżenti. Fi żmien tal-pandemija rajna kif hemm sfidi serji relatati mal-istatistika u d-data, saħansitra li għandu l-Gvern stess. Għaldaqstant, il-Gvern għandu minnufih jibda proċess li fih jara li jkollu data preċiża u li tagħmel sens. Proċess delikat u li fih ix-xogħol, imma li jrid isir biex verment inkunu nafu l-qagħda preċiża tas-sitwazzjoni attwali f’pajjiżna fejn jidħol il-qasam tax-xogħol.
10. Titwaqqaf task force bil-ħsieb li taħdem ħalli tattira niċeċ ekonomiċi ġodda, li jikkreaw xogħol ta’ kwalità b’valur miżjud.
11. Issir diskussjoni matura u fejn ikun possibbli l-investiment meħtieġ, ħalli potenzjalment, b’sens ta’ djalogu, jintlaħaq qbil bejn il-membri tal-MCESD biex ċertu żidiet fil-labour cost ikunu linked ma’ productivity gains.
12. Minnufih jiġi ppubblikat l-istudju li kien ikkummissjonat mill-Gvern dwar l-introduzzjoni tal-Living Income f’pajjiżna. Fl-aħħar tal-2020 kien ingħad li l-istudju jinsab fi stadju avvanzat.
//= $special ?>