Internazzjonali

Iċ-Ċina: Xi Jinping jibda terminu storiku tal-Presidenza…Jesiġi l-lealtà fuq l-esperjenza fi ħdan il-Politburo ta’ Beijing

Il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, inawgura t-tielet mandat ta’ poter storiku bl-introduzzjoni tal-amministrazzjoni ġdida komunista f’Beijing…Amministrazzjoni fuq kollox ikkaratterizzata min-nies li huma mija-fil-mija leali lejh.

Dawn is-sitt membri huma parti mis-Standing Committee tal-Politburo tal-Partit Komunista Ċiniż u meta Xi Jinping reġa’ kien elett bħala s-Segretarju Ġenerali tal-partit.

L-osservaturi qalu li l-Kumitat, li ntgħażel personalment minn Xi Jinping, qed juri li l-President jagħti aktar importanza lil-lealtà tal-uffiċjali ta’ madwaru milli aspetti oħra importanti bħall-kapaċità u l-esperjenza tal-membri.

Il-konferma tad-Standing Committe tal-Politburo kien il-pass naturali wara l-aħħar Kungress tal-Partit Komunista f’Beijing. Dan ukoll wara li ‘il fuq minn 2,300 delegat eleġġew diversi gruppi tat-tmexxija waqt li konfermaw it-tielet mandat għal Xi bħala l-Kap komunista, f’pass li jmur ‘il hinn mit-tradizzjonali.

F’din is-sitweazzjoni, il-grupp, jew kumitat, hu l-ekwivalenti ta’ Kabinett Presidenzjali u Xi Jinping qal li l-membri se jkunu strumetali ‘għall-bidliet kbar li ċ-Ċina se tgħaddi minnhom fuq il-fronti kollha’.

Qabel, l-ebda Kap ma qatt ingħata tielet mandat biex imexxi liċ-Ċina ħlief fil-każ ta’ Mao Zedong, li kien il-fundatur tal-Istat komunista.

Il-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang irtira mill-Kumitat u n-nuqqas tiegħu, skont l-osservaturi, jista’ għandu x’jaqsam mal-fatt li Xi Jinping irid li jkun imdawwar mill-uffiċjali li mgħandhomx perspettiva differenti minn tiegħu.

L-ewwel messaġġi ta’ awgurju lil Xi Jinping waslu mingħand Vladimir Putin, il-President tar-Russja u Kim Jong-un, il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista.

Intant, it-titli uffiċjali tal-membri tas-Standing Committee Ċiniż ikunu konfermati waqt il-Kungress tal-Poplu Nazzjonali (fil-Parlament) li jsir is-sena d-dieħla u fejn Xi Jinping mill-ġdid ikun ikkonfermat President taċ-Ċina.