Ir-Russja qed tkompli bl-offensiva fuq l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna bħala parti minn strateġija intiża għall-qerda tal-faċilitajiet li jipprovdu s-sħana lill-poplu Ukren għal matul ix-xitwa.
Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li dawn l-attakki jridu jitqiesu bħala offensiva sfaċċata fuq il-popolazzjoni ċivili u li qed isiru fuq skala kbira ħafna – tant li l-missili tar-Russi laqtu numru ta’ reġjuni lejn iċ-ċentru, il-punent, in-nofsinar u l-lvant tal-Ukrajna.
Fl-aħħar sigħat, is-servizzi għall-emerġenzi fl-Ukrajna rnexxielhom jirristawraw id-dawl f’numru ta’ zoni fejn kienet inqatgħet il-provvista. Madankollu, fi tmiem il-ġimgħa kien irrappurtat li xejn anqas minn 1.5 miljun familja fl-Ukrajna spiċċaw mingħajr dawl b’kaġun tal-offensiva mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.
Zelensky, waqt diskors, qal li d-difiżi Ukreni rnexxielhom jinnewtralizzaw jew jeliminaw parti sinifikanti tal-missili u drones tar-Russi u li l-Armata tal-Ukrajna se tkompli tavvanza biex tillibera aktar artijiet minn taħt il-kontroll tal-għadu.
U għalkemm l-Ukrajna mgħandhiex il-kapaċità teknika biex twaqqa’ l-missili u d-drones kollha tar-Russi, Zelensky hu fiduċjuż li dan it-tragward jintlaħaq bl-għajnuna kontinwa tas-sieħba internazzjonali tal-Ukreni
Sadanittant, kważi terz tal-power stations u l-faċilitajiet li jiġġeneraw l-elettriku fl-Ukrajna spiċċaw meqruda wara mewġa ta’ attakki mill-ajru tar-Russi li ilha għaddejja l-jiem.
L-aħħar attakki laqtu lir-reġjun ta’ Cherkasy, lejn ix-xlokk ta’ Kiev flimkien mal-belt ta’ Khmelnytskyi – b’attakki oħra mill-ajru jsiru wkoll fuq Odessa, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna u aktar ‘il hinn, f’Lutsk. Mhux eskluż li dawn l-attakki kaġunaw aktar ħsarat lill-infrastruttura tal-enerġija mill-bumbardamenti intensivi tar-Russi li seħħew aktar kmieni fix-xahar.
Kelliema għall-Gvern Ukren qalu li r-Russi, minbarra l-istrateġija għall-qerda tal-infrastruttura li hi kritika għall-Ukreni, qegħdin jaħsbu wkoll biex iferrxu din il-gwerra lejn iz-zoni ‘il hinn mill-fronti stabbiliti għal dan il-konflitt. Hemm ukoll osservaturi li ma jeskludux li Vladimir Putin jista’, ‘il quddiem, jiftaħ anki front tal-gwerra ġdid min-naħa tal-Belarus li hu l-akbar alleat ta’ Moska fost il-pajjiżi Ewropej tal-Lvant u li qed jaqsam fruntiera mal-Ukrajna.
U aktar ma l-qawwiet Ukreni jiksbu suċċessi militari, aktar ir-Russja se tkun disposta li tattakka l-miri ċivili u l-infrastruttura domestika tal-Ukrajna bħala kampanja għall-intimidazzjoni ta’ poplu li ilu minn Frar jirreżisti l-invażjoni ta’ pajjiżu mit-truppi ta’ Putin.
//= $special ?>

