“Fit-tfassil ta’ dan id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit 2023 imniedi f’nofs din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista dejjem żamm f’moħħu li kull miżura u proposta li jressaq ’il quddiem ikollha fiċ-ċentru tagħha l-interess tal-bniedem… l-interess tal-individwu u l-familja Maltija u Għawdxija għaliex hu hekk biss li f’pajjiżna tista’ tissawwar politika li toffri kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
“Ma jagħmilx sens li għandna Gvern Laburista li jħeġġeġ lin-nies biex jissikkaw iċ-ċinturin, iżda mbagħad ta’ kuljum nisimgħu bi stejjer dwar ħala, serq u korruzzjoni istituzzjonalizzata. Ma jagħmilx sens li l-ftit igawdu u jiffangaw, iżda mbagħad għexieren ta’ eluf ta’ Maltin jinsabu fix-xifer li jaqgħu fil-faqar u oħrajn li diġà huma fil-faqar għaliex ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
“Kwalità tal-ħajja aħjar għal kulħadd billi jkollna ambjent aħjar, toroq b’inqas traffiku, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar milli huma attwalment, qasam tas-saħħa aħjar u b’inqas listi ta’ stennija, qasam tal-edukazzjoni aħjar fejn tfal ma jibqgħux jiddaħħlu f’kontejners għal-lezzjonijiet…”
Din l-istqarrija għamilha ma’ Il-Mument, id-Deputat Jerome Caruana Cilia, il-Kelliem tal-PN għall-Qasam tal-Finanzi, meta tkellem dwar id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit 2023 imniedi mill-PN.
Jerome Caruana Cilia beda biex qal li kien ta’ privileġġ li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fdah b’din ir-responsabbiltà, partikularment fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom.
“Jien ili f’dan id-dekasteru ftit tax-xhur wara l-Elezzjoni Ġenerali u wara sentejn ta’ pandemija. Fl-isfond tal-problemi relatati mas-supply chain, il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa u dan kollu wassal għall-problemi serji fl-inflazzjoni. Jiġifieri mhux settur faċli biex xi ħadd jagħmel ix-shadowing tiegħu għaliex dawn mhumiex l-aqwa żmien.
“Fl-aħħar xhur ħdimt u kont qrib ħafna tan-nies fit-toroq, fid-djar tagħhom, imma anki mal-imsieħba soċjali fosthom dawk fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Iltqajt magħhom diversi drabi kemm fuq livell formali u anki informali. Mort ukoll Għawdex u ltqajt mal-imsieħba soċjali u smajt il-ħsibijiet tagħhom.”
Jerome Caruana Cilia kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ faxex differenti ta’ nies u ma’ setturi diversi fin-negozju. “Bnejt tim ta’ persuni esperti varji li nitkellem magħhom spiss ħafna.
“Wettaqna ħidma kbira u mbagħad imbarkajna fuq it-tfassil tad-Dokment li fih atkar min 38,000 kelma, 108 paġna u 340 punt ta’ azzjoni, rakkomandazzjonijiet u proposti.
“Dan minbarra l-inklużjoni tal-proposti li qed jagħmlu l-imsieħba soċjali għaliex aħna nemmnu fihom ukoll.”
Jerome Caruana Cilia żied li għalih din kienet esperjenza ġdida u unika. “Dan hu settur li jogħġobni ħafna għaliex jitratta l-policy making.”
Mistoqsi dwar it-tiswir ta’ dan id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit 2023, Jerome Caruana Cilia qal li “fil-kors kien analizzat id-dejn tal-pajjiż; dak kollu li għandu x’jaqsam mal-finanzi tal-pajjiż imma anki l-ambjent ta’ madwarna u l-innovazzjonijiet. Ipprovajna nagħmlu analiżi oġġettiva u issa meta tħares lejn dan id-Dokument tara li l-PN beda jagħti l-viżjoni tiegħu mibnija fuq sitt pilastri biex tassew nagħtu tama lil dan il-pajjiż.
Mistoqsi dwar it-temi trattati f’dan id-Dokument, Jerome Caruana Cilia qal li dan id-Dokument hu mibni fuq it-tema ta’ kwalità tal-ħajja aħjar u li tixraq lill-poplu Malti u Għawdxi. “Qed ngħidu hekk għaliex mill-istudji u r-riċerka hawn kwistjonijet kbar fejn tidħol il-kwalità tal-ħajja.
“Jekk hu l-qasam tat-trasport, tal-ambjent, il-listi ta’ stennija fl-isptarijiet u l-qasam tax-xogħol, nemmnu li l-ħaddiem u l-professjonist għandu jkollhom pagi tajbin biex jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Mhux qed nitkellmu u nfissru pagi aħjar biss, iżda wkoll kwalità ta’ ħajja aħjar fit-totalità tagħha.
“Issa hemm ammissjoni tal-Mnistru tal-Finanzi stess li rrealizza li l-mudell politiku ekonomiku li adotta l-Gvern hu bbażat fuq żewġ fatturi żbaljati – il-konsum sfrenat mingħajr il-valur miżjud u l-importazzjoni tal-ħaddiema minn barra biex jaħdmu f’pajjiżna mingħajr l-iċken ippjanar.
“Għaliex ħadd ma jaf kemm se jiġu importati ħaddiema; kemm għandna bżonn ħaddiema, f’liema oqsma, x’effetti negattivi qed ikollhom dawn in-numri kbar ta’ ħaddiema fuq is-servizzi, fis-saħħa u fl-edukazzjoni
Xi ħadd staqsa kemm se jiġu? Effetti fuq kollox – drenaġġ, saħħa, edukazzjoni…
“Għaliex dan kollu wassal ukoll għal setturi fejn il-pagi baqgħu staġnati u dawk involuti fihom ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u mbagħad hemm setturi oħrajn fejn iż-żidiet fil-pagi ma jirriflettux ir-realtà li qed ngħixu tal-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni.”
Jerome Caruana Cilia qal li fit-tfassil ta’ dan id-Dokument il-Partit Nazzjonalista ried li juri l-viżjoni tiegħu li hu kapaċi jkun gvern alternattiv fejn ipoġġi lill-bniedem u lill-familja fiċ-ċentru u hu għalhekk li ssawru sitt pilastri prinċipali li fuqhom qed tinbena din il-politika.
Mistoqsi dwar il-viżjoni immedjata u l-viżjoni aktar fit-tul ippreżentat f’dan id-dokument, Joerome Caruana Cilia spjega li hemm numru ta’ sifidi fl-immmedjat, partikularment il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja li hi realtà u li qed tolqot lil kulħadd. Tolqot l-aktar lill-vulnerabbli. Qegħdin f’sitwazzjoni fejn anki min mhux meqjus fir-riskju tal-faqar qed ikollu joqgħod attent kif jonfoq il-flus tiegħu.
Bħalissa għandna rata ta’ inflazzjoni rekord u din hi storja rekord fl-aħħar snin. Rakkomandazzjonijiet lill-Gvern u hawn fejn il-Gvern qiegħed ifalli, is-sens ta’ djalogu mal-imsieħba soċjali mhux qed isir.
Il-Ministru tal-Finanzi qed imur hemm mhux biex jisma’ iżda biex jagħtihom l-aħbar. Ebda djalogu u l-akbar erba unions Maltin, mingħajr ebda preċedent, ħarġu stqarrija flimkien biex jgħidu lill-Ministru biex jiltaqa’ magħhom dwar il-ħtieġa ta’ djalogu bħala t-triq għall-quddiem u dan anki fir-rigward tal-COLA, fisser Jerome Caruana Cilia.
Hu kompla li f’dan id-Dokument qed inressqu numru ta’ punti li bihom nindirizzaw l-għoli tal-ħajja u nitkellmu wkoll dwar it-triq ’il quddiem fir-rigward tal-COLA. Qed ngħidu li għandu jkun Retail Price Index speċifiku għall-pensjonanti u dan għaliex dawn għandhom bżonn il-mekkaniżmu speċjalizzat indirizzat għalihom. Dan anki fil-konfront tal-prezzijiet ogħla għall-ikel u l-mediċini li jindikaw b’mod dirett kemm-il pensjonanti għandhom bżonn attenzjoni partikulari.
Imbagħad hemm sensiela ta’ proposti li iżda huma mmirati u maħsuba għal aktar fit-tul. Għax il-Ministru tal-Finanzi stess qed jaqbel li hemm bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid u differenti. Din hi xi ħaġa li dwarha ilha ssir diskussjoni iżda sal-lum ma sar assolutament xejn.
Jerome Caruana Cilia fisser li hawn iqumu numru ta’ mistoqsijiet:
• Il-Gvern għalfejn mhux jirrealizza li għandu bżonn jinvesti f’industry verticals eżistenti, fosthom l-igaming, il-marittimu, l-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-IT, il-farmaċewtika? Dawn huma kollha settur eżistenti li għandhom bżonn ta’ ħafna investiment ġdid.
• Kif tista’ Malta ssaħħaħ il-Unique Selling Propositon tagħha f’dawn l-oqsma bl-iskop aħħari jkun li jinħolqu impjieg ta’ valur miżjud u żieda fis-salarji medji u fin-net contribution li l-Gvern kieku jdaħħal?
• X’għandu jagħmel il-Gvern dwar l-industry vertical il-ġodda?
• Għandu l-Gvern joħloq skills bank biex inbiddlu l-ħsieb lokali fejn għandu x’jaqsam il-qasam tax-xogħol?
Mistoqsi dwar id-dejn tal-pajjiż, Jerome Caruana Cilia fisser li d-dejn ta’ pajjiżna hu €8.56 biljun. Id-dejn żdied b’77.7 fil-mija jew €3.74 biljun mill-2012 sal-2022.
Sal-aħħar ta’ Lulju, id-dejn tal-finanzi pubbliċi kien ta’ €8.56 biljun. Dan ifisser żieda ta’ €709.4 miljun fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dan ifisser żieda ta’ 9 fil-mija. Jekk inħarsu lejn l-istess perjodu ta’ sentejn ilu, jiġifieri minn Jannar sa Lulju tal-2020, id-dejn kien jammonta għal €6.62 biljun. Dan ifisser żieda ta’ 29.2 fil-mija f’sentejn jew €1.94 biljun.
Jekk nagħtu ħarsa iktar lura, skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fl-Lulju tal-2012, id-dejn kien jammonta għal €4.82 biljun, dan ifisser żieda ta’ 77.7 fil-mija jew €3.74 biljun mill-2012 sal-2022. Ta’ min jinnota li fl-aħħar tal-2021, Malta kellha l-ogħla rata ta’ defiċit fost il-pajjiżi kollha, membri tal-Unjoni Ewropea: defiċit ta’ 8 fil-mija.
F’Settembru tas-sena l-oħra, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien qal li l-pandemija ġiet tiswa lill-pajjiż €1.5 biljun f’sentejn. Ejja noqogħdu fuq il-Ministru Caruana, dan ifisser li bejn l-2012 u l-2022, jekk tneħħi l-ispejjeż tal-pandemija, id-dejn żdied bi €2.24 biljun jew żieda ta’ 46.5 fil-mija. Dan ifisser li matul dan il-perjodu, jekk tneħħi l-impatt tal-pandemija, id-dejn żdied b’mod qawwi ħafna.
Bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena, il-Gvern daħħal iktar flus mit-taxxi kif wieħed jistenna waqt perjodu ta’ inflazzjoni għolja:
• €634 miljun f’VAT, żieda ta’ €130.99 miljun jew 20.65 fil-mija fuq is-sena li għaddiet;
• iktar minn biljun f’income tax, żieda ta’ iktar minn €120 miljun jew 11.2 fil-mija fuq is-sena li għaddiet;
• €198 miljun f’liċenzji, taxxi u multi, żieda ta’ €7 miljuni jew 3.5 fil-mija fuq l-2021.
//= $special ?>