Lokali

Indħil mill-Ministru Owen Bonnici fl-entitajiet tal-kultura

Il-Ministru Owen Bonnici jirriżulta li qed jindaħal fl-operat ta’ diversi entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu. L-imġiba tal-Ministru Bonnici hi nieqsa minn kull forma ta’ professjonalità u bla ebda etika.

F’każijiet minnhom ukoll hemm nies milquta minn din l-imġiba li huma mlaħħqin fis-segretarjat u l-ministeru tiegħu, fosthom is-segretarju permanenti Joyce Dimech li qed jaħbu informazzjoni importanti u delikata u skandaluża minn nies appuntati minn Owen Bonnici stess, basta jiddefendu l-marmalja tagħhom. Dan l-aġir qed iwassal għal ħafna rabja anke f’nies imlaħħqin sew fil-kultura li appunta Owen Bonnici stess.

Indħil fejn jidħlu tenders, impjieg ta’ nies mhux kwalifikati u ġejjin mid-distrett tal-Ministru.

Jirriżuluta li s-Segretarju Permanenti Joyce Dimech qed tgħinu biex ikun jista’ jgħawweġ mar-regoli u timpjega nies u talloka fondi biex jagħti lill-baned tad-distrett tiegħu. 

Nies midħla fl-arti u l-kultura qalu li Owen Bonnici jippreferi jidher fuq il-midja u jimpjega l-marmalja tiegħu u jimla entitajiet b’dawn in-nies tiegħu, iżda qajla jinteressah mill-artist. 

Diversi entitajiet qed jikkrollaw. Eżempju ċar hi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fejn qed jinħass kollas totali. Jirriżulta minn sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument, li l-Ministru Owen Bonnici jrid jindaħal meta ma jifhimx. Jilgħab il-logħba tal-gentleman meta jirriżulta l-kontra. Ħafna fil-Ministeru qed jiddiskrivuh bħala l-Ministru li juri wiċċ b’ieħor.

Ta’ min wieħed isemmi li Owen Bonnici ħadem qatigħ kontra Roberta Abela u kien leali ħafna għall-Eks Prim Ministru Joseph Muscat. Kien il-Ministru tal-Ġustizzja meta l-ġustizzja fil-pajjiż ikkrollat. L-istess se jibqa’ mfakkar li meta kien Ministru tal-Kultura, is-settur tal-kultura ikkrolla u miss il-qiegħ.

Artisti li tkellmu dwar dan ma’ Il-Mument ikkummentaw li Owen Bonnici għandu l-unur jgħid li hu se jkun il-kaġun li l-arti u l-kultura, u d-diversi entitajiet li jaqgħu taħtu, imorru l-baħar b’dan l-aġir irresponsabbli ta’ “bulldozing” totali.

Kelma fuq fomm ħafna artisti mill-industrija hi li jittamaw li l-Prim Ministru hu konxju b’dak li hu għaddej u mal-ewwel ċans itajjar lill-Ministru Owen Bonnici biex is-settur tal-kultura jerġa’ jibda jieħu r-ruħ.