Futbol Sport

Kampjonat tal-Veterani: Andrew Cohen l-eroj ta’ Gżira United Veterans

Andrew Cohen skorja erba’ gowls f’rebħa ta’ 9-3 li Gżira United kisbu kontra Żurrieq Wolves b’Jonathan Pearson jiskorja doppjetta personali. Dino Cachia, Alex Muscat u Adrian Lanzon ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers għal Gżira bi Clarence John Conger Thompson jiskorja doppjetta u Robert Magro iżid ieħor għal Żurrieq li b’hekk naqqsu l-marġni tal-iskor.  

Rabat Veterans żammew lil Żejtun Red Stars fi draw ta’ 4-4. Kienet partita ta’ botta u risposta li ħalliet lil dawk preżenti fil-grawnd tad-Dorotej f’Ħaż-Żebbuġ fuq ix-xwiek sal-aħħar. 

Justin Felice poġġa lil Rabat fil-vantaġġ b’Michael Borg Olivier iġib l-iskor indaqs għal Żejtun b’Felice jerġa’ jiskorja għal 3-1. 

Noel Tabone skorja t-tieni gowl għal Żejtun għalkemm Clint Micallef reġa’ żied il-vantaġġ għar-Rabtin.  

L-aħħar mumenti kienu kollha ta’ Żejtun li skorjaw darbtejn sabiex kisbu dro drammatiku ta’ 4-4 b’Nikolay Filipov u għal darb’oħra Tabone jissiġġillaw ir-riżultat finali.  

Birkirkara St Helens kisbu rebħa importanti ta’ 4-1 kontra Pieta’ Hotspurs.  

L-Istripes skorjaw erba’ gowls mingħajr risposta permezz ta’ doppjetta ta’ Glenn Bonello, Robert Perkins u Florin Danut Paun b’Jeffrey Chetcuti jnaqqas il-marġni tal-iskor għal Pieta’. 

Finalment l-MFPA żammew il-konsistenza tagħhom tal-aħħar partiti meta għelbu lil Luxol St Andrews 8-3.  

Jonathan Bondin skorja doppjetta filwaqt li Mark Barbara u Charles Polidano taw vantaġġ ta’ 4-0 għal MFPA sabiex Michael Galea u Jean Bert Gatt naqqsu l-marġni tal-iskor għal Luxol. 

L-MFPA baqgħu konċentrati u baqgħu jiskorjaw b’Thomas Paris, Stephen Wellman u għal darb’oħra Barbara jniżżlu isimhom fost l-iskorers. 

Michael Galea skorja d-doppjetta personali u t-tielet wieħed għat-tim tiegħu.