Lokali

“Nistenna li l-budget t’għada jindirizza numru ta’ sfidi, bil-fatti u mhux bil-kliem” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista se jibqà jiġġieled għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Politika li tindirizza l-ħtiġijiet vera tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan qalu tul intervista fuq NET TV fejn tenna li jistenna li l-budget jindirizza vera l-ħtieġa ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar fejn il-Gvern irid li jwaqqaf it-tberbiq fil-vojt, budget li ma jkomplix jitfa’ piżijiet fuq iż-żgħar u budget li jinvesti kif xieraq fis-settur edukattiv fost l-oħrajn.

Huwa sahaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa jaħdem bi sħiħ għall-familji, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ u l-anzjani għaliex jixirqilhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Partit Nazzjonalista huwa Partit li jwettaq il-proposti tiegħu fuq il-konsultazzjoni

Il-Partit ħareġ b’aktar minn 340 proposta li jitrattaw għadd ta’ temi li għaddejjin f’pajjiżna u dawn il-proposti ġew wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ dawk konċernati f’għadd ta’ setturi.

Bernard Grech qal li l-politika tal-PN hija waħda fit-tul, mhux biss tħares lil għada, imma tħares is-snin li ġejjin.

Preżentament qal li bħalissa l-għoli tal-ħajja qed taffetwa kważi lil kulħadd, u għalhekk il-PN ħass li fid-dokument tiegħu ta’ qabel il-budget fejn fost l-oħrajn fil-mod kif tinħadem il-COLA. Jiddaħħal ukoll Retail Price Index speċifiku għall-pensjonanti u dan għaliex dawn għandhom bżonn il-mekkaniżmu speċjalizzat indirizzat għalihom. Dan anki fil-konfront tal-prezzijiet ogħla għall-ikel u l-mediċini li jindikaw b’mod dirett kemm-il pensjonanti għandhom bżonn attenzjoni partikolari.

“Irridu nżidu u nagħtu l-inċentivi lil min qed jistudja, lil min qed ikabbar il-ħila tiegħu, irridu nużaw il-ħidma tagħna biex nittrasformaw l-ekonomija tagħna f’waħda aktar innovattivi, mibnija fuq il-valur miżjud” – Bernard Grech

Fl-aħħar jiem il-PN irnexxielu jiltaqa’ ma’ għadd ta’ bdiewa u raħħala

Bernard Grech qal li l-PN qed jisma’ lil dawk li qed jintlaqtu mid-deċiżjonijiet ħżiena ta’ dan il-Gvern, fosthom anki l-liġi li se tolqot lill-art li jaħdmu.

Huwa qal li r-ruralità ta’ pajjiżna jeħtieġ li tkun salvargwardjata kif hu xieraq, għax dan is-settur huwa wieħed kruċjali ħafna għal Malta u għal Għawdex.

Il-PN se jibqa’ jħaddan il-libertà tal-espressjoni

Fid-dawl tal-laqgħa li r-rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kellhom mal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Partit Nazzjonalista saħaq li Robert Abela għandu jirtira t-3 abbozzi ta’ liġi li l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ppreżenta quddiem il-Parlament minkejja li kien jaf li ma seħħet l-ebda konsultazzjoni pubblika dwarhom.

PN se jibqa’ qrib in-nies

Il-Kap tal-PN qal li se jibqa’ jdur il-lokalitajiet biex jifhem aħjar l-isfidi li n-nies qed isibu ta’ kuljum.

“Jien irrid li l-Partit Nazzjonalista jkun il-Partit li n-nies tħossha komda tersaq lejh għaliex b’hekk issir politika tajba”Bernard Grech