Futbol Sport

Premier League Ingliż: Arsenal miżmuma minn Southampton iżda jżommu vantaġġ ta’ żewġ punti f’ras il-klassifika

Arsenal, il-liders attwali tal-Premier League, tilfu żewġ punti fi dro, 1-1, ma’ Southampton f’St Mary’s Stadium u għal riżultat li jissodisfa ħafna aktar lis-Saints milli t-tim ta’ Mikel Arteta.

Il-Gunners kellhom bidu sorprendenti għall-istaġun u bir-raġun qed jitqiesu fost l-aktar tims konsistenti fl-ogħla kampjonat — iżda Southampton huma dejjem għadma iebsa kulmeta jilgħabu fis-South Coast u d-dro, kollox ma kollox, jista’ jitqies bħala wieħed  ġust.

Arsenal fetħu l-iskor wara biss ħdax-il minuta meta l-captain, Granit Xhaka, xeħet ġewwa b’first timer fuq l-assist ta’ Ben White u bil-Gunners ikomplu juru l-aħjar ideat sal-mistrieħ fost it-tentattivi ta’ Gabriel Martinelli u Gabriel Jesus li fallew il-bersall bi ftit.

Madankollu, il-logħba daret fit-tieni taqsima, bis-Saints joħorġu mill-qoxra difensiva – għalkemm Arsenal xorta baqgħu perikolużi, bid-difensur ta’ Southampton Elyounoussi jiċħad lil Gabriel Jesus minn gowl kważi ċert.

Imbagħad wasal l-aħjar mument għal Southampton, b’diversi plejers jikkombinaw ma’ xulxin sakemm Stuart Armstrong (65) fetaħ il-kont tiegħu f’dan l-istaġun meta għeleb lil Ramsdale għall-1-1. Minuti wara, Martin Odegaard kellu ‘gowl’ imħassar, bid-difiża tas-Saints tikkontrolla kull tentattiv ieħor biex taċċerta mid-dro meritat u meta huma issa ilhom tliet logħbiet konsekuttivi mingħajr telfa.

Intant, Arsenal issa għandhom vantaġġ ta’ żewġ punti fuq iċ-Champions Manchester City u meta huma t-tnejn  lagħbu 11-il logħba. Fl-istess ħin, is-Saints jinsabu l-ħmistax fil-klassifika, b’vantaġġ ta’ tliet punti fuq iz-zona l-ħamra.

Leeds United niżlu t-tielet mill-aħħar wara telfa, 2-3, f’darhom ma’ Fulham, bil-futur qed jidher inċert għall-manager Jesse Marsch, meta l-Yorkshiremen ilhom mingħajr rebħa għal tmiem logħbiet.

Il-bidu tal-konfront f’Elland Road kien kollu ta’ marka ‘Leeds’, b’Rodrigo (20) isib ix-xibka bir-ras, iżda r-risposta tal-Cottagers kienet immedjata, bl-attakkant prolifiku Aleksandar Mitrovic, sitt minuti wara, isib ruħu żmarkat biex jagħmel l-iskor 1-1.

Il-logħba baqgħet kumbattuta b’Leeds jitilfu numru ta’ ċansijiet iżda Fulham dejjem kienu perikolużi bil-kontra-attakki u kwarta mit-tmiem, Bobby Decordova-Reid poġġa lill-Cottagers fil-vantaġġ b’header brillanti għar-rokna. Leeds dehru maħsuda, bl-iżvantaġġ jikber fl-84 minuta meta Willian għeleb lil Meslier mill-viċin għat-tielet darba.

Il-gowl ta’ konsolazzjoni – u t-tieni għal Leeds – skurjat mis-sostitut Crysencio Summerville kien biss għall-kronika, b’Fulham jiċċelebraw riżultat tajjeb ieħor li tellagħhom fis-seba’ post tal-klassfika, b’żewġ punti aktar minn Liverpool.

Aston Villa ħadu nifs ġdid wara t-tkeċċija ta’ Steven Gerrard minn manager u bħalma tindika r-rebħa kbira tal-Villains, 4-0, fuq Brentford.

Gerrard tkeċċa mill-kariga nhar il-Ħamis wara t-telfa kbira li l-Villains ġarrbu għand Fulham u bit-tim jispiċċa, għalissa, f’idejn il-first team coach, Aaron Danks.

Intant, Villa ma setgħux kellhom bidu aħjar għal-logħba meta fetħu vantaġġ ta’ 3-0 sal-ewwel 15-il minuta. L-ewwel gowl wasal minn Leon Bailey (2) fuq il-pass ta’ Luiz, b’Danny Ings jagħmilhom tnejn fis-seba’ minuta u bl-istess Ings jagħlaq il-logħba bit-tielet gowl skurjat minn penalty (14) wara l-fawl fil-kaxxa fuq Tyrone Mings.

It-tielet rebħa għall-Villains fil-kampjonat kompliet tikber fit-tieni taqsima, b’Ollie Watkins (59) jgħaqqad il-poker wara li l-gowlkiper Raya kien salva parzjalment it-tentattiv tiegħu bl-għajnuna tal-lasta.

Leicester City kisbu l-ewwel rebħa barra minn darhom mill-bidu tal-istaġun fejn ġabu fix-xejn lil Wolves, f’Molineux. B’din ir-rebħa kbira (4-0) il-Foxes inqalgħu miz-zona l-ħamra, bl-avversarji mill-Black Country jinsabu t-tieni mill-aħħar bl-istess punteġġ (9) bħal Leeds Utd u Notts Forest.

Il-gowl tal-ftuh wasal minn Youri Tielemans wara tmien minuti, b’Wolves joħorġu jfittxu l-gowl tad-dro sakemm sabu ruħhom 2-0 minn taħt meta Harvey Barnes (19) sammar ġewwa wara ‘one-two’ veloċi ma’ Dewsbury-Hall.

Wolves ma setgħux jaqbdu art minkejja li komplew bis-sensiela ta’ attakki li ma waslu mkien, b’Leicester jibqgħu juru konsistenza kbira quddiem il-lasta ta’ Jose Sa – tant li fit-tieni taqsima, huma żiedu aktar gowls minn James Maddison (65) u s-sostitut Jamie Vardy (79)  għall-ewwel tliet punti miksuba barra l-King Power Stadium.