Newcastle United komplew ikabbru r-reputazzjoni bħala tim rivelazzjoni b’rebħa diffiċli u importanti kontra Tottenham Hotspur, 2-1, f’The New White Hart Lane. B’dan ir-riżultat Spurs sofrew l-ewwel telfa f’darhom fil-kampjonat, bil-Geordies jaqbżu r-raba’, bl-istess punteġġ bħal Chelsea (21) iżda b’differenza ta’ gowls inferjuri.
Intant, il-gowl tal-ftuh għall-Geordies kien ferm kontroversjali, b’Callum Wilson u l-gowlkiper Hugo Lloris jaħbtu ma’ xulxin waqt dwell għall-ballun u bl-attakkant ta’ Newcastle isib ix-xibka b’lob minn barra l-kaxxa wara nofs-siegħa.
Il-gowl kien ikkonvalidat wara evalwazzjoni fit-tul bil-VAR iżda ma kien hemm xejn kontroversjali dwar it-tieni wieħed għal Newcastle li wassal ħames minuti qabel il-mistrieħ. Dan meta Longstaff interċetta l-clearance żbaljat ta’ Lloris, b’Miguel Almiron jaqbeż żewġ difensuri qabel spara ġewwa għat-2-0 u għall-ħames gowl personali f’ħames logħbiet fil-kampjonat.
Fit-tieni taqsima, Spurs naqqsu l-iżvantaġġ b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Harry Kane (54) iżda minn dak il-ħin it-tim ta’ Antonio Conte rari kien perikoluż, bi Newcastle jikkontrollaw il-vantaġġ minimu mingħajr wisq affann.
Newcastle issa ilhom seba’ logħbiet mingħajr telfa fil-Premier League waqt li din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għal Spurs fil-kampjonat fi spazju ta’ ħamest ijiem biss.
//= $special ?>