Lokali

Ramona Attard tiddefendi d-deċiżjoni ta’ Kastilja u tkompli tkeskes il-firda fil-PL

Manwel Cuschieri jirribatti mill-ewwel u jgħid li għalkemm ħatruh fuq żewġ bordijiet, lilu ħadd u xejn mhu se jagħlaqlu ħalqu

Ramona Attard, il-President tal-Partit Laburista, fil-jiem li għaddew kompliet tkebbes aktar firdiet fil-Partit Laburista meta ppruvat tiddefendi d-deċiżjoni meħudha fil-magħluq f’Kastilja biex il-programm politiku li kellu Manwel Cuschieri fuq il-One Radio jitwaqqaf.

Il-mossa ta’ Kastilja tagħmel parti minn strateġija maħduma minn dawk madwar Robert Abela li jagħmlu minn kollox biex idgħajfu l-preżenza tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u hu għalhekk li fil-ġimgħat li għaddew numru ta’ persuni leali lejn l-istess Joseph Muscat spiċċaw tilfu posthom u mwarrba.

Din l-istrateġija mistennija tissokta fil-ġimgħat li ġejjin ukoll b’persuni magħrufa li huma leali lejn Joseph Muscat jintalbu biex iċedu r-rwoli li qed jokkupaw. Hemm persuni leali lejn Joseph Muscat li tpoġġew imexxu entitajiet b’kuntratti mifruxa fuq ammont konsiderevoli ta’ snin li jagħmluha diffiċli aktar lil dawk f’Kastilja biex iċaqilquhom. Iżda ta’ Kastilja huma determinati li jkomplu għaddejjin bil-kinsa li qed jagħmlu biex Joseph Muscat ikompli jitlef mill-popolarità u s-saħħa tiegħu fil-Partit Laburista.

Sadattant fi programm fuq stazzjon televiżiv, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard kompliet titfa’ aktar melħ fuq il-ferita billi twassal il-messaġġ li Manwel Cuschieri bħal m’għandux għalfejn jibqa’ jagħmel għaġeb minn din id-deċiżjoni għaliex xorta waħda għandu programm fuq One Radio filwaqt li fl-ebda ħin ma qalet li dan il-programm hu wieħed dwar il-mużika Taljana u m’għandu x’jaqsam xejn mal-politika.

Viżibbilment skomda biex tiddefendi l-argumenti dwar il-fatt li xi ħadd deherlu li kellu jwaqqaf ħesrem il-programm ‘Linja Diretta’ minn fuq One Radio, Ramona Attard qalet li ma’ Manwel Cuschieri tiltaqa’ l-One u li dan għandu programm fuq l-istazzjon Laburista.

L-intervent ta’ Ramona Attard – deskritt bħala wieħed li jkompli jkeskes aktar firda fil-Partit Laburista – wassal għal mewġa oħra ta’ protesti  u lanżit fi ħdan il-Partit Laburista fejn il-qasmiet huma evidenti bejn dawk favur Robert Abela, dawk li jappoġġjaw lil Joseph Muscat, dawk li jimbottaw lil Chris Fearne, oħrajn li jimmilitaw favur Miriam Dalli u oħrajn li għadhom jemmnu li Ian Borg għadu validu għat-Tmexxija tal-Partit Laburista u allura għal dik tal-Gvern mifni b’ħafna problemi fit-tmexxija tiegħu.

Maqsum f’għadd ta’ fazzjonijiet, fil-Partit Laburista hemm min qed ikompli jmexxi l-messaġġ li dawk f’Kastilja jeħtieġ li jingħataw tbeżbiża tajba fl-elezzjonijiet ta’ Mejju 2024… kemm fuq livell ta’ elezzjoni għall-ħatra tal-Membri Parlametnari Ewropej u anki fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Hemm gruppi fil-Partit Laburista li qed imexxu l-kelma li l-Laburisti għandhom jibbojkottjaw l-elezzjonijiet tal-2024 biex Ta’ Kastilja ma tibqax tikbrilhom rashom kif kollox jindika li qed jagħmlu.

Diversi kienu dawk il-Laburisti, fosthom għadd ta’ delegati, li ħaduha bi kbira li dawk magħluqa f’Kastilja qed jieħdu deċiżjonijiet bl-aktar mod arbitrali li bihom qed idarrsu lill-istess partitarji għaliex skont huma l-programm politika ta’ Manwel Cuschieri ma kellux jitwaqqaf minn fuq One Radio.

Iżda min ħa din id-deċiżjoni ħeba jdejh u filwaqt li ma ddejjaqx iċekken u jdarras lil Manwel Cuschieri – appoġġjat fost l-oħrajn anki minn Jason Micallef li jmexxi l-midja tal-Partit Laburista u li jaf li fuq rasu wkoll, għaliex hu leali lejn Joseph Muscat, għandu l-mannara ta’ Kastilja – ma ddejjaqx anqas jagħmel test dirett fil-konfront ta’ Joseph Muscat li diġà kien ittestjat fi Frar li għadda b’manuvra aktar diretta fil-konfront tiegħu.

Dak li għamlet Ramona Attard biex tiddefendi d-deċiżjoni ta’ Kastilja fil-konfront ta’ Manwel Cuschieri wassal biex bosta Laburisti fuq il-midja soċjali juru l-għadab tagħhom u jwissu lit-Tmexxija tal-Partit Laburista li għad ipattuha qares ta’ dak li qed jagħmlu (Clinton Said).

Kien hemm min wera l-fehma tiegħu li l-Laburisti għandhom juru l-għadab tagħhom billi ma jibqgħux jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom għall-istazzjonijiet tal-Partit Laburista (Twanny Chetcuti).

Kien hemm ukoll min iddeskriva d-deċiżjoni ta’ Kastilja bħala waħda inġusta kemm mal-preżentatur u anki mas-semmiegħa (Anna Agius); filwaqt li kien hemm min fakkar li ta’ Kastilja waqqfu wkoll il-programm ta’ diskussjoni li kien jagħmel Mario Tabone Vassallo li wkoll mhux benvist minn Kastilja.

Osservazzjoni oħra kienet dik li “min ħabb lil Joseph, spiċċaw twarrbu fil-ġenb” (Alfred Pace), filwaqt li kien hemm min ħeġġeġ lil min ħa din id-deċiżjoni biex ma jibqax jinħeba wara subgħajh (Pierre J.Attard).

Kien hemm ukoll min bagħat lil dawk li ħadu din id-deċiżjoni jsaqqu l-ħass tal-Marsa “għax sirna moderni” (Philip Schembri), u ġibed l-attenzjoni li Manwel Cuschieri kellu t-tattika li dejjem iwebbel lis-semmiegħa li se jikxef xi ħaġa u din tibqa’ ma tasal qatt ! (Nicholas Magro).

Il-firda tkompli b’kummenti li żmien Manwel Cuschieri issa għadda (Sharon Vidal), filwaqt li oħrajn urew l-għadab tagħhom li ta’ Kastilja qed jagħtu bis-sieq lil-Laburisti biex jaġevolw lil oħrajn li qatt ma kienu jiffurmaw parti mill-familja Laburista (Ryan Floyd).

Messaġġ qawwi kien dak li ta’ Kastilja qed jgħaffġu lin-nies – “illum jgħaffġu lilu u għada jgħaffġu lilek” (Charlie Mifsud), u min qal li dan il-programm ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa kien wieħed kollu ħdura u mibegħda (Sandra Farrugia).

Oħrajn akkużaw lil Manwel Cuschieri li bi ħsieb qed jagħmel ħsara lit-Tmexxija tal-Partit Laburista (Tony Bartolo), u min kien aktar dirett fil-konfront ta’ Ramona Attard u “lbieraħ kont mifxula u mnalla bdew jibagħtulek il-messaġġi x’għandek tgħid” (Peter Paul Portelli).

Fuq nota konklussiva kien hemm min issuġġerixxa lil Manwel Cuschieri biex issa ma jibqax jeqred aktar (Arthur Demanuela).

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu mill-ġdid it-tweġiba ta’ Manwel Cuschieri li jwissi dwar “aġenda moħbija” u jżid li: “l-Partit Laburista għalaqli ħalti biex noqgħod kwiet… ħatarni f’żewġ bordijiet.

“Imma ngħidlu… kemm int żbaljat. Għadek ma tafnix sew. Lili ma jagħlaqli ħalqi ħadd. Jekk issegwi x’ngħid pubblikament taf li dak li għandi ngħid, ngħidu bla problemi ta’ xejn. 

“Jekk xi ħadd jazzarda jipprova jagħlaqli ħalqi nesponih fil-pubbliku u nagħtih x’jomgħod sew… Lili ma xtrani u mhu se jixtrini ħadd.

“Ninfurmak ukoll li l-ħidma fil-bordijiet maħtur fihom nagħmilha bil-qalb. Imma jekk forsi mhux aġġornat ninfurmak li l-ħlasijiet dovuti lili tajt struzzjonijiet biex imorru għal Puttinu Cares u għad-Dar Tal-Providenza.”

Manwel Cuschieri żied li: “sadanittant anke jekk mhux iħalluni nxandar minn One Radio minħabba aġenda moħbija u intenzjonata biex nintuża jien biex mingħalihom jaslu għal ħaddiehor, ninfurmak li l-messaġġ tal-Partit li għandi f’qalbi, il-Partit Laburista, xorta se nibqa’ nwasslu b’kull mezz.”