L-eks Kanċillier tal-Finanzi, Rishi Sunak, ikkonferma li qed jikkuntesta għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv fil-Gvern wara r-riżenja, jiem ilu, tal-eks Prim Ministru Liz Truss, Sunak, li kien irriżenja minn Kanċillier waqt l-eks amministrazzjoni ta’ Boris Johnson qal li qed jaħseb biex jassumi l-kariga ta’ Prim Ministru ħalli jirranġa l-ekonomija tar-Renju Unit li spiċċat fi kriżi kbira.
Sadanittant, is-Segretarju Britanniku għall-Kummerċ, Jacob Rees-Mogg, insista li l-eks Prim Ministru Johnson – li rriżenja fis-sajf minħabba numru ta’ skandli – ukoll se jikkuntesta għat-tmexxija tat-Tories. Boris Johnson u Sunak huma eks alleati f’dan il-partit u li, fl-aħħar xhur, huma kisruha bil-kbir wara li Johnson ħassu tradut mill-imġieba ta’ Sunak matul il-ġimgħat qabel spiċċa kostrett li jirriżenja.
Id-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ appoġġ minn fost id-deputati Konservattivi qed jindikaw 139 (il-deputat) favur Sunak; b’56 għal Boris Johnson u bi 23 għall-isfidanta l-oħra, Penny Mordaunt, li hi l-Leader tal-House of Commons. Il-kandidati li qed jikkuntestaw għat-tmexxija tal-Partit fil-Gvern jeħtieġu 100 dikjarazzjoni ta’ appoġġ sallum biex ikomplu bit-tellieqa u fl-aħħar sigħat, Mardaunt ċaħdet li kienet qed titratta mal-kamp ta’ Johnson bil-ħsieb ta’ xi ftehim potenzjali.
Rees Mogg, intant, qed jgħid li kien infurmat li Boris Johnson x’aktarx li kiseb diġà il-100 dikjarazzjoni ta’ appoġġ minkejja dak li qed juru ċ-ċifri. Dan meta l-eks Prim Ministruma ddikjarax formalment il-kandidatura tiegħu. Sadanittant, l-eks Viċi-Prim Ministru Konservattiv Dominic Raab tenna li l-appoġġ għal Sunak qed jikber minn ħin għall-ieħor – bl-Oppożizzjoni Laburista mill-ġdid qed issejjaħ għal elezzjoni ġenerali bikrija bħala l-aħjar soluzzjoni fiċ-ċirkustanzi.
//= $special ?>

