Lokali Qorti

Taljan mixli li pprova jifga lis-sieħba tiegħu

Taljan ta’ 29 sena li jgħix Malta u li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti, inżamm arrestat fuq akkużi ta’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu li hija Maltija. Huwa ġie mixli li pprova jifga lil mara u li ta fastidju. Il-mara hija wkoll omm it-tifla tiegħu li għadha tarbija.

L-akkużat li se jibqa; anonimu biex tiġi protetta l-identità tal-allegata vittma u t-tifla tagħhom ġie mixli wkoll li ħebb għaliha bil-konsegwenza li kkaġunalha ġrieħi ħfief. Huwa ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li bl-aġir tiegħu inselenta lil mara.

Kollox jidher li l-akkużat kien jgħir ħafna għal mara fejn fil-Qorti ħareġ li fost l-argumenti li kien ikollhom jinkludu li kien ifittex fil-mobile tagħha, ma jħallihiex tmur f’postijiet fejn ikun hemm l-irġiel filwaqt li jkun irid jara xi tkun qed tagħmel. Allegatament ingħad ukoll li tella’ post fuq Facebook li s-sieħba tiegħu u bintu huma mitlufin, meta s-sieħba tiegħu marret tagħmel ir-rapport għand il-Pulizija.

Madanakollu, ma sar l-ebda rapport formali minnu dwar dan lill-Pulizija. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talba biex jingħata l-pleġġ. Din it-talba sabet oġġezzjoni kbira mill-Proskezzjoni u anke mill-avukat tal-parte civile.

Dawn argumentaw li hemm biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi u l-biża’ li t-Taljan jaħrab minn Malta. Id-difiża qalet li huwa għandu post fejn jista’ jgħix ‘il bogħod mis-sieħba tiegħu, madankollu l-Qorti xorta ma laqgħetx din it-talba għax ukoll trid tixhed l-allegata vittma.

Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Audrey Micallef filwaqt li d-difiża kienet immexxija mill-Avukat Franco Debono. F’isem il-parte civile dehret l-Avukat Veronica-Anne Spiteri. Issa l-każ ikun assenjat fil-jiem li ġejjin biex jibdew jinstemgħu l-provi fuq il-każ.