Lokali

AĠĠORNATA: Imut ir-raġel li ttajjar fi Triq Diċembru 13

Miet raġel wara li ttajjar fi Triq Diċembru 13, il-Marsa għall-ħabta tas-2:10 ta’ waranofsinhar.

Il-Pulizija marret fil-post u minn stħarriġ li sar irriżulta li raġel, li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa ntlaqat minn karozza misjuqa minn raġel ta’ 66 sena residenti l-Fgura.

Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet llill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Sfortunatament, huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.

Il-Maġistrat tal-Għassa Marse-Ann Farrugia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.