Internazzjonali

Boris Johnson iħabbar li mhux se jkun qed jikkontesta għal Prim Ministru Brittaniku

Fl-aħħar sigħat, l-eks Prim Ministru Brittaniku, Boris Johnson ħabbar li mhux se jkun qed jikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv fil-Gvern wara r-riżenja ta’ Liz Truss minn Prim Ministru tar-Renju Unit.

Dan ifisser li l-kandidat, Rishi Sunak għandu ċans ikbar li jassumi din il-kariga ta’ Prim Ministru Brittaniku. Fl-aħħar jiem, Sunak kien irnexxilu jikseb il-100 vot tal-membri parlamentari – l-ammont li wieħed jeħtieġ biex ikun jista’ jikkontesta għal din il-kariga.

F’din it-tellieqa hemm ukoll Penny Mordaunt (Mordint) li s’issa għandha 25 membru parlamentari warajha. Sakemm Johnson kien għadu fil-ħsieb li jikkonesta, dan kellu biss 59 vot… jiġifieri kellu bżonn iktar minn 40 vot biex ikun jista’ jikkontesta.

Fis-2 ta’ waranofsinhar, ħin lokali, se toħroġ il-konferma ta’ min se jkun jista’ jikkontesta għal Prim Ministru Brittaniku ġdid. Jekk Sunak ikun l-uniku wieħed li jilħaq l-ammont ta’ voti meħtieġa, dan awtomatikament isir il-Prim Ministru tal-pajjiż.