Lokali

“Bżonn ta’ studju biex possibilment jinstab il-gass f’pajjiżna” – ġeologu Malti

Il-ġeoloġi Maltin għamluha ċara lill-Gvern Malti – hemm bżonn jinħarġu liċenzji għall- esplorazzjoni tal-gass fuq il-blata kontinentali Maltija.

Iżda l-Gvern Laburista qed jinjora kompletament dawn l-appelli….minkejja li d-dinja għaddejja minn kriżi enerġetika li kawża tagħha qed ibatu ħafna nies.

“S’issa mgħamilna xejn. Għalfejn? Għax il-Gvern mhux jisma’ mill-ġeoloġi,” qal Peter Gatt. “Tkellimna fuq dan iżda ma kelna ebda reazzjoni.”

Waqt il-programm NETLIVE, il-Ġeologu Peter Gatt stqarr li pajjiżna kapaċi għandu valur ta’ biljuni ta’ ewro jekk insibu l-gass u ż-żejt taħt il-blata kontinentali Maltija.

“X’inhuma t-targets? Għandek tnejn,” qal Peter Gatt. “Hemm Isolated Carbonate Platform li Malta taqa’ taħt dan il-mudell u hemm ukoll dawk li jipproduċi strutturi fejn jinqabad iż-żejt, li wkoll għandna f’Malta.”

Jekk Malta ssib dawn iż-żewġ riżorsi mhux biss tkun tista’ tużahom għall-Maltin stess iżda wkoll tesportahom għal pajjiżi oħra.

“Hemm potenzjal u nittammaw li l-Gvern jgħaraf dan il-potenzjal ukoll,” qal Peter Gatt.

L-Unjoni Ewropea tiddependi fuq ir-Russja għal 25% tal-gass tagħha u 30% tal-provvisti taż-żejt … filwaqt li 90% tal-gass jgħaddi mill-Ukrajna fit-triqtu lejn l-Unjoni Ewropea.