Sport

Futsal: Iċ-champions jiksbu rebħa sofferta kontra Ta’ Xbiex

Fit-tielet ġurnata tal-Enemed Futsal League Luxol St. Andrews sabuha diffiċli kontra Ta’ Xbiex u ħarġu rebbieħa bl-iskor minimu ta’ 3-2. Sal-aħħar tmien minuti l-iskor kien dak ta’ 2-2 iżda Luxol salvaw il-partita fl-aħħar minuti biex b’hekk ħarġu rebbieħa 3-2.

Il-gowls taċ-champions renjani kienu skorjati minn Mark Zammit, Andre Cianco u awtogowl filwaqt li Karl Sciortino u Zvezdan Vukovic skorjaw għal Ta’ Xbiex.

Din il-ġimgħa se tkun waħda importanti għal Luxol li se jkunu impenjati fir-rawnd ewlieni tal-UEFA Futsal Champions League li se jsir f’pajjiżna.  

Swieqi United kisbu rebħa oħra importanti hekk kif għelbu lil Marsaskala 7-3.  

Minkejja l-iskor, l-Iskalin taw battikata lil Swieqi u kien biss fit-tieni taqsima li dawn tal-aħħar aċċertaw ruħhom mit-tliet punti.  

Fabrizio Zammit u Michael Borg skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Brandon Debono, Justin Theuma u Brayan Stiven żiedu aktar gowls għal Swieqi. 

Marsaskala kellhom lil Craig Pickard jiskorja doppjetta b’Dylan Caruana jżomm lit-tim tiegħu għal-logħba. 

Żurrieq Futsal għelbu lit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena 8-4 f’logħba ferm interessanti li pproduċiet xejn inqas minn 12-il gowl. 

Wara li ż-Żrieraq stabilixxew vantaġġ komdu ta’ 6-1, kien hemm reazzjoni taż-żgħażagħ Maltin li saħansitra għamlu l-iskor 6-4 għalkemm it-tim immexxi minn Boycho Marev għaraf iwettaq sforz kollettiv sabiex ħa t-tliet punti l-aktar importanti.  

Javier Montes Burgos u Boycho Marev skorjaw hat-trick għal Żurrieq b’Armando Gjepali u Kurt Darmanin li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.  

Malta U19 skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetta ta’ Shiraz Attard, Ivin Gatt u Deyan Pace. 

St George’s kellhom logħba pożittiva hekk kif għelbu lill-ġirien Fgura United 8-3.  

Karl Luke Schembri kompla jimpressjona għat-tim mill-Kottonera meta skorja erba’ gowls b’Faisal Alnakou li kien awtur ta’ doppjetta personali.
Sean Parnis u Jose Luis Carlos Lopes ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers. 

Għall-Fgurin skorjaw Sebastian Nayar, Jacques Vella Critien u Matthew Buttigieg.