Budget 2023 Lokali

Għadu se jiddiskuti kif se jtaffi t-traffiku

Il-Gvern għadu se jibda jiddiskuti kif se jtaffi l-isfida tat-traffiku f’Malta, deskritta minnu bħala waħda ewlenija li għandu quddiemu l-pajjiż.

Fid-diskors tal-budget, il-Ministru Clyde Caruana sostna li se jagħmel dan billi jkellem lil stakeholders konċernati sabiex numru ta’ servizzi fit-toroq ta’ pajjiżna ma jingħatawx qabel id-disgħa ta’ filgħodu…hekk kif saħaq li fir-rush hour il-vetturi ta’ dawn is-servizzi m’għandhomx jingħataw fit-toroq. Madanakollu ma speċifikax liem servizzi huma dawn…bil-Gvern jidher li ma jafx x’hemm  fit-toroq Maltin…hekk kif skontu t-traffiku jkun fl-ewwel sigħat ta’ filgħodu biss.

Dan filwaqt li saħaq li matul is-sena d-dieħla l-preżenza tal-uffiċjali fit-toroq Maltin se tkun qiegħda tiżdied.

Clyde Caruana ma semmiex kemm kien il-persentaġġ taż-żieda ta’ persuni li qed jagħmlu użu mit-trasport pubbliku b’xejn mill-1 ta’ Ottubru s’issa – iżda minflok farfarha kompletament fuq il-forzi tal-ordni u l-poplu Malti u Għawdxi hekk kif insista li biex dan il-proġett ikun suċċess jeħtieġ bidla fl-imġieba, infurzar akbar fit-toroq….u li jittieħdu l-miżuri biex ma jkunx hemm żgombru fit-toroq.

Għad-differenza tal-budgets preċedenti, għal dak tal-2023 Clyde Caruana injora għal kollox il-proġett tat-trasport pubbliku tal-massa…magħruf aħjar bħala l-Malta Metro. Matul l-aħħar sena, il-Gvern tal-Labour nefaq aktar minn nofs miljun ewro biex jinforma lill-poplu li qed jikkunsidra li jagħmel il-metro f’Malta…fl-aħħar ġimgħat sirna nafu li għadhom lanqas għamlu t-testijiet ġeoloġiċi…u illum lanqas biss ġiet imsemmija

Wegħda riċiklata mill-budget preċedenti kienet dik tal-Ferry Landing Station f’Buġibba…hekk kif f’diskorsu l-Ministru ammetta li x-xogħol fuq il-moll għadu ma bediex…bħal ma għadu ma bediex dak fuq il-moll ta’ Marsamxett…hekk kif għadhom qed jevalwaw l-offerti fuq ix-xogħlijiet fuq dan il-moll. Bil-kostruzzjoni ta’ dawn ikun iffinanzjat minn fondi Ewropej.

Proġett li ilu jkarkar sa minn meta nibet huwa dak tal-proġett tal-Imsida hekk kif il-Ministru wiegħed li dan se jkun qiegħed jingħata spinta ‘l quddiem….wara li kellha tinbidel il-pjanta kompletament.

Intant, ħabbar li l-kabinett approva li jinħarġu sejħiet ghal espressjoni ta’ interess sabiex Evans Building, l-eks Pixkerija tal-Belt..u x-Chalet f’Tas-Sliema jiġu żviluppati. Dan filwaqt li ħabbar li fix-xhur li ġejjin se jingħata bidu għal studju dwar ir-reklamazzjoni tal-art f’pajjiżna.