Politiku Brażiljan qed jinżamm taħt arrest wara li tefa’ il-grenades fid-direzzjoni tal-pulizija li kienu qed javviċinaw id-dar tiegħu biex jarrestawh. L-inċident seħħ f’ Comendador Levy Gasparian, lejn it-Tramuntana ta’ Rio de Janeiro u bir-riżultat li żewġ uffiċjali tal-pulizija spiċċaw midruba. Intant, il-politiku, Roberto Jefferson, li hu alleat tal-President estremista tal-lemin, Jair Bolsonaro, ċeda ruħu lill-awtoritajiet ftit tal-ħin wara.
Qabel l-attakk fuq il-pulizija, Imħallef tal-Qorti Suprema fil-Brażil kien ordna l-arrest ta’ Jefferson talli kien insulenta lill-Imħallef Ewlieni Carmen Lucia. Dan meta l-politiku kien diġà projbit milli joħroġ minn daru wara li hu kien hedded biċ-ċar lill-istess Imħallef. Min-naħa tiegħu, Bolsonaro qal li l-pulizija huma ġustifikati li jarrestawlil kulmin juża l-vjolenza fil-konfront tagħhom.
Roberto Jefferson, li hu eks Kap tal-Partit politiku PTB, anki spiċċa jispara b’azzarin lejn l-uffiċjali tal-liġi, bir-riżultat li kisser il-windscreen ta’ karozza tal-pulizija. Intant, iż-żewġ pulizija midruba mix-xrapnel tal-grenade kienu rilaxxati mill-isptar wara t-trattament għall-ġrieħi li ġarrbu.
Fil-preżent, il-Brażil għaddej minn tensjoni kbira politika fost l-istennija għall-elezzjoni tal-Ħadd għall-Presidenza li tinvolvi konfront dirett u deċiżiv bejn Jair Bolsonaro u l-kandidat tax-xellug, Luiz Inácio Lula da Silva.
//= $special ?>

