Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Kundanna għal diskors dwar bomba radjuattiva

L-Ukrajna kkundannat il-kummenti tar-Russja fis-sens li l-Gvern Ukren jista’ qed jaħseb biex jutilizza bomba li tikkombina l-materjal radjuattiv mal-isplussivi konvenzjonali u li hi magħrufa bħala ‘dirty bomb’.

L-użu ta’ arma fuq dan il-kalibru jmur kontra l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, mhux jeskludi li r-Russi jistgħu qed iħejju attakk ta’ din l-iskala fuq artu bl-iskuża ta’ azzjoni preventiva.

Filwaqt li l-kummenti dwar il-bomba ma kenux issostanzjati minn Moska, l-Alleati tal-Ukrajna wkoll ikkundannaw id-diskors speċifiku, bl-Istati Uniti tgħid li mhix taċċetta kwalunkwe skuża tar-Russja biex teskala l-konflitt fl-Ukrajna.

Dan wara li l-Ministru tad-Difiża Russu Sergei Shoigu irrefera għall-possibbiltà li tintuża bomba radjuattiva waqt telefonata ma’ Ben Wallace, il-Ministru Britanniku bl-istess dekasteru, Shoigu qal li kien ‘imħasseb dwar il-potenzjal għall-provokazzjonijiet minn Kiev li kapaċi jinkludu l-użu ta’ dan id-‘dirty bomb’’.

Shoigu anki kellu sensiela ta’ telefonati mal-Ministri tad-Difiża tal-Istati Uniti, Franza u t-Turkija fejn enfasizza ‘l-allarm ta’ Moska dwar is-sitwazzjoni’. Iżda l-Ministru Russu ma ressaq l-ebda provi li jissostanzjaw l-akkużi waqt li l-President Zelensky qal li r-Russja hija s-sors għal kwalunkwe ħaġa malinna li tista’ tkun assoċjata mal-gwerra.

Sadanittant, Ben Wallace irrifjuta l-allegazzjonijiet ta’ Shoigu li l-Ukrajna qed tippjana l-azzjonijiet militari kontra r-Russja li għandhom ikunu faċilitati mill-pajjiżi tal-Punent, inkluż ir-Renju Unit.

Wallace qal li l-Punent bl-ebda mod ma jrid li l-konflitt jeskala fl-Ukrajna u wissa lil Moska biex ma tużax allegazzjonijiet bħal dawn bħala skuża biex iżżid l-aggressjoni fil-konfront tal-Ukreni. Kummenti simili għamilhom is-Segretarju tad-Difiża Amerikan Lloyd Austin li wkoll kien kellem lil Shoigu bit-telefon.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministeri għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti qalu li l-Gvernijiet tagħhom kollha qed jiċħdu l-allegazzjonijiet foloz ta’ Moska fis-sens li l-Ukreni qed jippjanaw biex jużaw ‘dirty bomb’ fuq it-territorji tagħhom. L-istqarrija kompliet li l-pajjiżi se jkomplu jappoġġjaw lill-Ukrajna biex tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni u brutalità tal-President Russu, Vladimir Putin.

L-analisti militari, sadanittant, qegħdin jindunaw li l-akkużi tar-Russi qed isiru wara sensiela ta’ umiljazzjonijiet waqt l-aħħar battalji mal-qawwiet Ukreni – bl-istess qawwiet Ukreni, bħalissa, qed ikomplu bil-kontro-offensivi fiz-zoni tal-lvant u n-nofsinar tal-Ukrajna.