Il-Pulizija qed tinvestiga allegati fastidji sesswali li seħħew fi ħdan l-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta.
Net News jista’ jikkonferma dan, fejn jista jikkonferma wkoll li l-Ministeru mmexxi minn Owen Bonnici ħatar investigazzjoni interna b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet fejn saħansitra twaqqaf bord.
Dan wara li persuna impjegata mal-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta talbet lill-Kap Eżekuttiv tal-MPO, Sigmund Mifsud sabiex jaċċetta r-riżenja tagħha bil-miktub.
Fl-ittra hija spjegat li fl-aħħar xhur, bħal ma kienet diġà spjegatlu, din il-persuna sofriet minn deterjorazzjoni fiżika u anke fis-saħħa mentali minħabba stress eċċessiv kaġun ta’ abbuż u fastidji sesswali li seħħew kemm fl-uffiċċju fejn din il-persuna kienet taħdem…u anke f’avvenimenti tax-xogħol.
Fl-ittra nkiteb li minkejja li din il-persuna tkellmet ma’ Mifsud u saħansitra talbitu li tibbenefika minn sena leave mingħajr ħlas sabiex terġa’ takkwista saħħitha lura…huwa dan ma kienx aċċettah.
Għaldaqstant din il-persuna kitbet li issa wasal iż-żmien li tirriżenja għal kollox mill-impjieg tagħha.
B’rabta ma’ dan kollu kemm il-Pulizija kif ukoll il-Ministeru tal-Arti u l-Kultura għaddejjin bl-investigazzjonijiet meħtieġa.
