Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Rishi Sunak se jilħaq minflok Truss bħala Prim Ministru

L-eks Kanċillier tal-Finanzi Britanniku, Rishi Sunak se jkun il-Prim Ministru li jmiss tar-Renju Unit u l-Kap ġdid tal-Partit Konservattiv fil-Gvern.

Dan wara li Penny Mordaunt, il-Leader tal-House of Commons li kienet l-unika sfidanta għal Sunak, għażlet li tirtira mit-tellieqa, ftit minuti qabel għalqu n-nominazzjonijiet għall-kandidati għat-tmexxija tat-Tories.

Sunak, b’hekk, se jilħaq Prim Ministru minflok Liz Truss li rriżenjat mill-kariga wara biss 44 jum. Dan ukoll wara li Truss, matul is-sajf, kienet għelbet lil Sunak fit-tellieqa preċedenti għat-tmexxija tal-Gvern Konservattiv.

Rishi Sunak, din id-darba, kiseb l-appoġġ ta’ aktar min-nofs id-deputati konservattivi fil-House of Commons waqt li Mordaunt sabitha diffiċli biex tikseb l-appoġġ tal-100 deputati meħtieġa biex tisforza konfront dirett ma’ Sunak għat-tmexxija tal-Partit fil-Gvern.

Għaldaqstant, Rishi Sunak se jsir l-ewwel Prim Ministru Britanniku-Asjatiku fl-età ta’ 42 sena u li hu l-iżgħar età għal Prim Ministru Britannniku f’aktar minn 100 sena.

Fl-aħħar sigħat kien sar magħruf li l-eks Prim Ministru Boris Johnson ma kienx se jikkuntesta mill-ġdid għat-Tmexxija tat-Tories, b’dan l-iżvilupp jiffavorixxi ferm il-prospetti ta’ Sunak, speċjalment meta għad hemm ħafna sostenituri ta’ Johnson fil-Partit tat-Tories…Sostenituri li jemmnu li Sunak ma appoġġjax lil Johnson, meta hu, aktar kmieni fis-sena, kellu jirriżenja minn Prim Ministru minħabba numru ta’ skandli marbutin mal-lockdown fi żmien il-Covid.

Madankollu,, xi sostenituri ewlenin ta’ Boris Johnson, fl-aħħar sigħat ukoll, sejħu biex il-Partit Konservattiv jingħaqad wara Sunak. Fost dawn kien hemm l-eks Segretarju għall-Intern, Priti Patek u s-Segretarju għall-Affarijiet Barranin, James Cleverly. Dan ukoll wara li Boris Johnson żvela li kien kiseb l-appoġġ meħtieġ minn fost id-deputati biex jikkuntesta mill-ġdid għal Kap, iżda fl-aħħarnett iddeċieda li ‘ma kienx xieraq li hu jkompli bit-tellieqa’.

Fl-aħħar sigħat ukoll, xi sorsi fi ħdan il-Partit Konservattiv kienu qed iħeġġu biex Penny Mordaunt tirtira mit-tellieqa għall-Kap tat-Tories ħalli tippermetti għall-konferma ta’ Rishi Sunak bħala Prim Ministru filwaqt li twitti t-triq għall-għaqda fost il-Konservattivi wara xhur ta’ diżgwid u battibekki fi ħdan il-partit. L-istess sorsi tennew li l-manuvri u logħob politiku jridu jieqfu biex il-Gvern ikun f’pożizzjoni fejn jista’ jikkonfronta aħjar l-isfidi kbar għar-Renju Unit – mhux l-anqas il-kriżi fl-ekonomija u l-pjaga tal-għoli tal-ħajja li qed tifni lil ħafna familji.

Min-naħa tagħhom, il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonali tal-Iskozja (SNP) ta’ Nicola Sturgeon għadhom qed jinsistu biex issir elezzjoni u li l-Konservattivi, issa, tilfu d-dritt li jiggvernaw.