Lokali

Iweġġa’ gravi waqt li kien qed jaħdem b’mutur li jaqta l-ħaxix

Raġel ta’ 59 sena weġġa’ gravi waqt li kien qed jaħdem b’mutur li jaqta l-ħaxix f’Ħal Luqa.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10:00am, hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident fi Triq Ħal Qormi, Ħal-Luqa.

Il-Pulizija marret minnufih fil-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li raġel ta’ 59 sena residenti l-Ħamrun, sofra ġrieħi f’saqajh waqt li kien qed jaħdem b’mutur li jaqta l-ħaxix.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku filwaqt li ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.