Il-Papa Franġisku ħatar lill-Monsinjur Savio Hon Tai-Fai, Arċisqof Titulari ta’ Sila u fil-preżent Nunzju Appostoliku tal-Greċja, bħala n-Nunzju Appostoliku l-ġdid għal Malta.
Mons. Savio Hon Tai-Fai twieled f’Hong Kong fil-21 ta’ Ottubru 1950. Ġie ordnat saċerdot fis-17 ta’ Lulju 1982 mal-Provinċja Salesjana taċ-Ċina, li tinkludi ċ-Ċina, Hong Kong, il-Makaw u t-Tajwan. Kiseb baċellerat fil-Filosofija mill-Università ta’ Londra u dottorat fit-Teoloġija mill-Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma. Huwa kien responsabbli mit-traduzzjoni tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika għaċ-Ċiniż.
Fit-23 ta’ Diċembru 2010, huwa nħatar Segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli. Qabel din il-kariga, Mons. Savio Hon Tai-Fai kien professur tat-Teoloġija fis-Seminarju tal-Ispirtu s-Santu f’Hong Kong.
Fis-7 ta’ Marzu 2012 inħatar membru tal-Kumitat Pontifiċju għall-Kungressi Ewkaristiċi Internazzjonali. Fit-12 ta’ Ġunju 2012 inħatar ukoll bħala membru tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara.
Mis-6 ta’ Ġunju sal-21 ta’ Ottubru 2016, l-Arċisqof Savio Hon Tai-Fai serva bħala Amministratur Appostoliku tal-Arċidjoċesi ta’ Agana fi Guam. Fit-28 ta’ Settembru 2017 inħatar Nunzju Appostoliku tal-Greċja, l-ewwel ħatra tiegħu
fis-servizzi diplomatiċi.
Mons. Savio Hon Tai-Fai, bħala rappreżentant tal-Papa, għandu r-responsabbiltà li jirrappreżentah mal-Knisja f’Malta u Għawdex, kif ukoll mal-awtoritajiet ċivili. Huwa wkoll id-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għar-Repubblika ta’ Malta. Id-dmir tiegħu hu li jkun ta’ għajnuna għall-Isqfijiet, isaħħaħ l-għaqda mas-Sede Appostolika u jmexxi ’l quddiem ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Gvern ta’ Malta.
//= $special ?>