“In-nies illi jafu bil-helpline issa mhux ħa jsibuh meta verament ikollhom bżonn dan is-servizz.”
Dan qalitu l-Kap Eżekuttiv tar-Richmond Foundation Stephania Dimech Sant wara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qata’ l-fondi li kienu jingħataw lir-Richmond u għalhekk din il-fondazzjoni se jkollha tnaqqas is-sigħat ta’ operazzjoni.
Bħalissa din il-fondazzjoni qed topera lejl u nhar sabiex tilqa’ t-telefonati tan-nies fuq dan il-helpline u jipprovdu l-għajnuna meħtieġa. Hija qalet li l-kuntratt se jiskadi f’Novembru u l-Gvern iddeċieda li ma jġeddux għaliex se jiftaħ helpline għar-rasu.
Stephania Dimech Sant saħqet li huwa diffiċli sabiex toħloq servizz ġdid speċjalment meta tar-Richmond huwa servizz magħruf sew li ilu jopera għal madwar għoxrin sena.
Barra minn hekk, hemm impjegati li ilhom jaħdmu f’dan is-settur għal diversi snin u huma ddedikati f’xogħolhom. Hija saħqet li meta bdew joperaw lejl u nhar it-telefonati kienu żdiedu b’ammont sostanzjali. Hija qalet li minn meta din il-helpline bdiet topera lejl u nhar qed ikollhom madwar 1,000 telefonata f’xahar fejn qabel kien ikollhom mijiet biss ta’ telefonati f’sena.
Hija tenniet li din il-fondazzjoni preżentament qed tinkwieta għaliex f’ċertu ħinijiet mhux ħa jkunu qed joperaw u għalhekk ma jkunux jistgħu jagħtu l-għajnuna tagħhom.