Lokali Qorti

Jitlef il-liċenzja biex iżomm studenti barranin wara li mess il-warrani ta’ tfajla

L-Imħallef Edwina Grima ċaħdet appell ta’ raġel residenti s-Siġġiewi li kien tilef il-liċenzja li jżomm studenti barranin wara ġiet konfermata sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabitu ħati li mess il-warrani ta’ Spanjola ta’ 16-il sena li kienet qed tgħix mal-familja tiegħu waqt l-istudji tagħha. Minbarra t-telfien tal-liċenzja l-Qorti kkonfermat deċiżjoni oħra tal-Ewwel Qorti li kienet poġġietu taħt ordni ta probation għal sena,

Sebastian Vassallo instab ħati li fl-14 ta’ Lulju 2019, fis-Siġġiewi, ikkommetta attentat vjolenti għall-pudur ta’ tfajla taħt is-17-il sena, li kienet ġiet Malta biex titgħallem l-Ingliż. Fis-6 ta’ April li għadda l-Qorti tal-Maġistrati sabitu ħati u minbarra ll-probation tteħditlu l-liċenzja maħruġa mill-Awtorità tat-Turiżmu biex iżomm studenti d-dar tiegħu.

Bħal ma ġara fl-Ewwel Qorti l-verżjoni tiegħu u tat-tfajla kienu opposti għal xulxin iżda ġie nnutat nuqqas ta’ konsistenza fil-konfront ta’ Vassallo. It-tfajla kienet qed tgħix mal-familja tal-akkużat fejn allegat li fil-jum meta seħħ l-inċident hija rritornat id-dar u Vassallo mill-ewwel ta bewsa fuq ħaddejha.

Meta għamel hekk it-tfajla kompliet miegħu u saħansitra ċċajtat miegħu meta qaltlu li ġewwa Spanja t-tradizzjoni hija li persuna tagħti żewġ bewsiet fuq il-ħaddejn u mhux waħda. Fir-rapport tagħha I-tfajla qalet li hawn hu talabha biex jagħtiha tliet bewsiet u hi rrifjutat. Qalet li wara. meta tbaxxiet biex tinża’ ż-żarbun taha daqqa fuq il-warrani u hija ma ħadet xejn pjaċir, tant li ħarsitlu bl-ikrah.

Skont it-tfajla l-istorja ma waqfitx hawn u filgħaxija, meta kienet sejra torqod, tefagħlha bewsa u għemiżha, u hawn iddejjqet u ħassitha skomda. Vassallo minn naħa tiegħu ċaħad li mess il-warrani ta’ l-Ispanjola u saħaq li ebda waħda mill-allegazzjonijiet tat-tfajla ma kien minnu u għalhekk kellha twassal biex jiġi lliberat.

L-Imħallef Grima minn naħa tagħha tat raġun lill-Qorti tal-Maġistrati, li ma qisitux bħala xhud kredibbli anke għax irriżultaw diskrepanzi bejn dak li xehed u dak li qal lill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni. Il-Qorti tal-Appell qalet li fl-istqarrija lill-Pulizija huwa ċaħad li messilha l-warrani imma ma eskludiex li għandu mnejn laqatha u dwar il-bews qal li huwa mod kif jilqa’ lil kulħadd.

It-tfajla qalet li qalet li l-aġir ta’ Vassallo qabeż kull limitu u huwa mhux biss talabha bewsa oħra imma għemiżha u waddbilha bewsa waqt li kienet sejra torqod u dawn l-atti jippuntaw biss fl-istess direzzjoni. Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell qaet li kieku laqat lit-tfajla innoċentament jew aċċidentalment żgur li l-vittma ma kinitx se tħossha skomda daqshekk tant li rrappurtat il-każ lill-awtoritajiet.

Dawn il-fatti kollha flimkien mal-inkonsistenzi fil-verżjonijiet tal-fatti mogħtija mir-raġel l-appell kien miċħud. Il-Qorti tal-Appell qalet li tqis illi ma tista’ ssib xejn x’tiċċensura fl-apprezzament magħul mill-Ewwel Qorti u qegħdha għalhekk
tiċħad l-appell mressaq minn Vassallo. Għal dawn il-motivi l-Qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat s-sentenza appellata fl-intier tagħha.