Futbol Sport

Kampjonat BOV Premier – It-tmien ġurnata: Birkirkara jsofru l-ewwel telfa

(Ritratt: Trevor Sollars)

Marsaxlokk taw l-ewwel telfa lil Birkirkara b’gowl li wasal fil-ħin miżjud mid-difensur Xlukkajr Walter Serrano. Kienet telfa xi ftit kiefra għall-Istripes li issa tilfu xi ftit il-pass mal-leaders Ħamrun Spartans. Fil-fatt huma kienu ġejjin minn draw fil-logħba prinċipali tal-gimgħa ta’ qabel kontra Ħamrun u wieħed stenna ħafna aktar mit-tim immexxi minn Giovanni Tedesco. Fil-fatt il-kowċ Taljan għamel bidla waħda biss minn dik il-partita fejn Paul Mbong beda minflok Osvaldo Iorio. Mill-banda l-oħra l-kowċ Xlukkjar Pablo Doffo beda bl-istess formazzjoni li biha għeleb lil Gudja United fl-aħħar logħba tagħhom. Rebħa li tellgħet lil M’Xlokk fuq ħdax-il punt f’nofs il-klassifika filwaqt li Birkirkara b’din it-telfa tilfu t-tieni post li issa huwa okkupat minn Gżira u jinsabu b’distakk ta’ ħames punti minn mal-leaders.

Ħamrun Spartans komplew isaħħu l-ewwel post tal-klassifika dan wara li huma għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-1. U apparti r-rebħa u t-tlett punti li kisbu, ir-riżultati tat-timijiet ta’ warajhom komplew jgħinuhom. Dan il-għaliex Gżira naqsu li jirbħu filwaqt li Birkirkara saħansitra sfaw megħluba.  Pero’ ma’ kienetx logħba faċli għall-Ispartans li wara li ħadu vantaġġ fl-ewwel taqsima  sofrew il-pressjoni ta’ Mosta li komplew jikkonfermaw li għandhom skwadra kompetittiva. Fil-fatt huma kisbu d-draw mis-solitu Christ Ememe biex kellu jkun Matthew Guillaumier li salva lill-Ispartans b’gowl tmien minuti minn tmiem il-partita. Mosta kienu ġejjin minn rebħa kontra Valletta filwaqt li Ħamrun mid-draw ma’ Birkirkara. Bidliet miż-żewġ kowċis fejn għal Birkirkara bdew il-gowlkeeper Sanchez flimkien ma’ Montebello, Ederson u Vinicius. Mill-banda l-oħra Mosta wettqu tlett bidliet fejn Zachary Brincat, Akrong u Kingue kollha bdew mal-ewwel ħdax.

Luke Montebello ta’ Ħamrun jipprova jikkontrolla l-ballun issikkat minn Jacob Akrong ta’ Mosta (Ritratt: Joseph Galea)

Draw ta’ mingħajr gowls bejn Floriana u Balzan f’logħba li rriżultat bħala waħda mill-aktar tedjanti li rajna s’issa dan l-istaġun. Mhux għax ma’ kienx hemm ċansijiet ta’ skor l-aktar minn Floriana li laqtu xejn anqas minn tlett darbiet il-lasta iżda li wieħed stenna ħafna aktar miż-żewġ naħat. Dan minħabba l-posizzjoni ta’ Floriana kif ukoll sa’ ċertu punt ta’ Balzan minkejja li dawn tal-aħħar jinsabu aktar il-fuq u komdi. Balzan kellhom il-mumenti tagħhom ukoll iżda xorta waħda naqsu li jkunu diretti. Il-Greens qed isibuha diffiċli sabiex jaqbdu t-triq tal-konsistenza minkejja li għal din il-partita kellhom numru ta’ players importanti nieqsa fosthom Jan Busuttil li ħafna drabi jagħmel id-differenza. Anki Balzan kellhom in-nuqqas ta’ numru ta’ players iżda nemmen li bir-riżultat finali ħarġu aktar kuntenti mill-avversarji tagħhom.

Uros Ljubomirac ta’ Balzan jipprova jaqbeż lil Lornezo Trillo ta’ Floriana (Ritratt: Trevor Sollars)

Gżira United naqsu milli jżommu l-pass ma’ Ħamrun Spartans hekk kif huma sfaw miżmuma fi draw minn Valletta. Din kienet logħba li laqqet lil żewġ timijiet li kienu ġejjin minn riżultati differenti, Valletta minn erba’ telfiet konsekuttivi filwaqt li Gżira bl-istess numru ta’ rebħiet konsekuttivi. Il-Beltin wettqu tlett bidliet mill-aħħar logħba fejn Ryan Camilleri flimkien ma’ Bradley Kamden u Joseph Willy bdew minflok Shaun Dimech, Llywelyn Cremona u Eslit Sala, b’dan tal-aħħar ikun sospiż wara li tkeċċa fl-aħħar partita tal-Beltin. Għal Gżira bidla waħda sfurzata b’Riascos jieħu post is-sospiż Gauci. L-ewwel taqsima kienet nieqsa ħafna mill-azzjonijiet lejn il-lasti rispettivi biex fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta t-tnejn li huma tjiebu bil-Maroons jiftħu tajjeb imbagħad il-Beltin jersqu viċin ukoll. Riżultat ġust li iżda ma’ kkuntenta lil ħadd.

Kylian Bevis ta’ Valletta ssikkat minn Luke Tabone ta’ Gżira United (Ritratt: Valletta F.C)

Waslet ukoll l-ewwel rebħa għal Santa Lucia li għelbu lil Pieta Hotspurs bl-iskor ta’ 2-1. Is-Saints dawru telfa f’rebħa hekk kif wara li marru gowl minn taħt huma skurjaw darbtejn b’dak tar-rebħa jasal fl-aħħar ħinijiet tal-partita. Rebħa li biha s-Saints qabżu lill-istess Hotspurs u issa jinsabu punt fuqhom. Fil-fatt għal Pieta’, wara l-ewwel rebħa li kisbu fl-aħħar partita tagħhom, din kienet okkażjoni li jkomplu jibnu fuqha. Iżda dan ma’ kienx il-każ fejn kienu Santa Lucia li spiċċaw bil-punti massimi minn dan il-konfront dirett kontra r-relegation. Għal s-Saints imiss konfront kontra l-uniku tim li għadu bla rebħa f’dan il-Kampjonat, Sirens. Logħba oħra diretta li tlett punti minnha jiswew mitqlu deheb. Għal Pieta test aktar diffċli kontra Gudja United li jridu jirkupraw minn telfiet konsekuttivi.

Daniel Zerafa ta’ Pietà segwit minn tliet plejers ta’ Santa Lucia (Ritratt: Catriel Farrugia)

Hibernians komplew għaddejjin bir-rebħ u b’hekk irkupraw aktar il-posizzjoni tagħhom dan wara li huma ġew minn gowl minn taħt biex għelbu lil Gudja bl-iskor ta’ 2-1. Kienet rebħa li waslet minn żewġ gowls skurjati minn Jurgen Degabriele fejn b’dawn it-tlett punti l-Pawlisti issa telgħu fir-raba post tal-klassifika. Għal Gudja din kienet it-tieni telfa konsekuttiva fejn wara bidu tant tajjeb għal dan l-istaġun jidher li bħalissa għaddejjin minn mument diffiċli għax ir-riżultati mhux ġejjin.  Huma kellhom bidu tajjeb ħafna għal din il-partita fejn ispirati minn Muchardi li kellu logħba tajba bdew dominanti fuq l-avversarji tagħhom. Iżda ċ-Champions renjanti komplew juru progress biex dawru telfa f’rebħa u kisbu tlett punti importanti fit-tentattiv li jerġgħu jidħlu fl-isfida għal dak li rebħu s-sena li għaddiet.

Samuel Gomes ta’ Gudja jipprova jwaqqaf pass ta’ Jake Grech ta’ Hibernians (Ritratt: Catriel Farrugia)

Sirens wettqu rimonta tajba kontra Żebbuġ biex salvaw il-partita u ħadu punt minn logħba li dehret mitlufa. Fil-fatt minkejja dan huma xorta waħda baqgħu l-uniku tim mingħajr rebħa kif ukoll l-aktar tim li kiseb draws, 5. Żebbuġ kellhom lill-attakkant tagħhom Charles Ngoy Lokoli fl-aqwa forma fejn skorja hat trick f’temp ta’ tletin minuta. It-tim minn San Pawl il-Baħar tjieb ħafna matul it-tieni taqsima fejn beda juri logħob aħjar u skurjaw ukoll il-gowls neċessarji sabiex salvaw il-partita. Il-konfront li jmiss għal Sirens huwa wieħed delikat fejn quddiemhom ser isibu l-isfida ta’ Santa Lucia.  Logħba oħra diretta kontra tim li jinsab punt wieħed biss warajhom. Għal Żebbuġ hemm l-isfida ta’ Floriana fejn kollox jista jiġri meta nikkunsidraw l-inkonsistenza ta’ ħafna mit-timijiet.

Il-captain ta’ Żebbuġ Rangers Randall Vella jipprova kross kontra Sirens (Ritratt: Catriel Farrugia)

INNUTAJNA

LI  bħal-lum ġimgħa tħabbret il-mewt tal-ex President ta’ Sliema Wanderers Robert Arrigo fl-eta ta’ 67 sena. Bejn l-1996 u l-2008 taħt il-Presidenza tiegħu Sliema rebħu diversi unuri fosthom erba’ kampjonati u żewġ FA Trophies.  Bniedem li kellu viżjoni fit-tul f’dak kollu li kien involut fih. Bniedem ta’ suċċess. Imma l-aktar li jibqa mfakkar Robert huwa għall-irġulija.  Grazzi Robert talli kelli x-xorti li nkun nafek  mill-viċin u kondoljanzi lill-familja Arrigo.

LI  fl-istess ġurnata ħalla din id-dinja wkoll l-ex referee u ex-President tal-MAFA Twanny Agius fl-eta’ ta’ 79 sena. Huwa kien President tal-MAFA għal 23 sena filwaqt li għamel karriera twila bħala referee. Kondoljanzi lill-familja Agius b’mod partikolari lill-ibnu David li wkoll bħal missieru huwa viċin ħafna s-settur sportiv.

LI s-South End Core kklassifikaw fl-ewwel post tal-Fair Play Rankings tal-Uefa.  Dan huwa unur li jingħata fuq bażi ta’ imġieba fil-grawnd kif ukoll il-passjoni li tintwera waqt il-logħbiet rispettivi. Prosit supporters Maltin.

LI fil-logħba bejn Marsaxlokk u Birkirkara ntwerew ħdax-il karta safra u kien hemm żewġ tkeċċijiet ukoll. Mingħajr ma’ nidħol fil-mertu ta’ dawn, imma biex logħba tkun aktar mexxejja huwa importanti li r-referee filwaqt li jissanzjona kull offiża jkun prattiku fid-deċiżjonijiet tiegħu.