Lokali

Ktieb ġdid li jitfa’ dawl fuq il-ħajja ta’ Eddie Fenech Adami

Eddie – Is-Sewwa Jirbaħ Żgur.

Huwa dan il-ktieb il-ġdid mill-pinna tal-ġurnalist Dione Borg, ktieb ippubblikat minn BDL u li jitfa’ dawl fuq il-ħajja tal-President Emeritu, eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u eks Prim Ministru li biddel wiċċ il-politika Maltija, Eddie Fenech Adami.

Il-ktieb li huwa mogħni b’diversi ritratti u saħansitra kitbiet ta’ Eddie Fenech Adami nnifsu, jiffoka b’mod specjali fuq kif il-viżjoni politika tiegħu irnexxielha twassal b’suċċess biex Malta biex ikollha posta fuq il-mejda Ewropea bħala stat membru tal-Unjoni. 

It-Tnejn filgħodu l-awtur ta’ dan il-ktieb, iltaqa’ ma’ Eddie Fenech Adami nnifsu li illum għandu 88 sena, fejn preżentalu dan il-ktieb. L-Eks Prim Ministru, minn naħa tiegħu, iffirma kopja tal-ktieb.

Ritratt: Joe Francalanza

Matul il-preżentazzjoni Eddie Fenech Adami ġedded il-memorji tal-ġrajja politika glorjuża tiegħu, li minnha gawdew il-Maltin u l-Għawdxin.

Dione Borg spjega ma’ Net News li dan huwa ktieb li r-riċerka u l-ħidma warajh ilha li bdiet is-snin fejn fost l-oħrajn wieħed isib saħansitra intervisti mal-President Emeritu Guido de Marco kif ukoll mal-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici. Flimkien ma’ dawn…hemm intervisti fost l-oħrajn mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, u tnejn minn ulied Eddie Fenech Adami, Beppe u Maria Fenech Adami.

Wieħed mhux biss jista’ jsir jaf aktar tagħrif dwar il-ġrajja politika ta’ Eddie Fenech Adami, iżda jsir jafu  mill-qrib… mir-rakkonti tal-persuni li kienu jkunu madwaru, li għixuh fl-aktar mumenti importanti; mumenti li sawwru lil Malta f’pajjiż modern – storja mifruxa fuq aktar minn 40 sena.

Ritratt: Joe Francalanza