Leeds United Supporters Club (Malta) fil-jiem li ġejjin se jkun qed jospita lil-leġġenda tal-klabb Paul Reaney.
Reaney se jkun Malta biex jiftaħ wirja li se tkun qed tinkludi memorabilja ta’ ta’ Leeds United kif ukoll tat-tim Nazzjonali Ingliż.
Din il-wirja se tkun qed issir f’Palazzo Ferreria u se tkun miftuħa mill-Ħadd 30 ta’ Ottubru sal-Ġimgħa 4 ta’ Novembru, mid-9am sal-5pm.
Paul Reaney kien plejer ta’ Leeds United bejn l-1962 u l-1978 u lagħab ukoll tliet darbiet mat-tim Nazjjonali Ingliż. L-aħħar partita tiegħu mat-Three Lions kienet kontra Malta fl-Empire Stadium il-Ġżira fl-1971.
Is-Supporters Club ta’ Leeds United f’Malta stiednu wkoll lill-plejers Maltin li lagħbu dakinhar sabiex jiltaqgħu ma’ Reaney.
Matul iż-żjara tiegħu f’Malta Reaney nhar il-Ħadd se jkun il-mistieden speċjali waqt attività għall-membri kollha ta’ Leeds United Supporters Club u se jkun qed iżur ukoll il-gżira Għawdxija.
