F’reazzjoni inizzjali għall-baġit tal-Gvern għas-sena 2023, l-MUT tinnota b’sodisfazzjoni li l-Gvern għamel referenza għall-ftehim settorali ġdid għall-edukaturi li ser jibda jiġi nnegozjat mal-MUT minn Jannar li ġej. L-MUT tfakkar fil-wegħda elettorali, li issa saret il-programm tal-Gvern, għal titjib sostanzjali fis-salarji u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-edukaturi. L-MUT tħares ’il quddiem sabiex dawn in-negozjati jinbdew.
Il-baġit isemmi dak li sostniet l-MUT, meta tkellmet dwar il-ħtieġa li l-atti dwar l-edukazzjoni jkunu konklużi. Filwaqt li tinnota r-referenza għal-laptops għal kull student fis-sekondarja, din il-miżura teħtieġ diskussjoni, kemm mil-lat loġistiku u kif ukoll dwar l-użu pedagoġiku ta’ dawn ir-riżorsi. L-MUT tappella wkoll sabiex jiġi ffinalizzat il-proċess tat-tqassim tal-laptops għall-edukaturi fl-iskejjel tal-Istat, li issa ilu għaddej numru ta’ snin.
L-MUT tilqa’ wkoll iż-żieda li ser jingħataw il-ħaddiema tal-gvern li jaqgħu taħt ftehim sabiex jibbenefikaw ukoll minn żidiet hekk kif il-COLA laħqet l-akbar ammont s’issa.
Bħas-soltu, l-MUT ser tkun qed tanalizza aktar fid-dettall l-estimi finanzjarji li jaffettwaw is-settur edukattiv u d-diskorsi tal-Ministeru tal-Edukazzjoni għal aktar informazzjoni.
//= $special ?>