Lokali Qorti

Mhux ħati li seraq b’aktar minn €8,000 f’elettriku

Raġel ta’ 68 sena residenti r-Rabat ma nstabx ħati mill-Maġistrat Claire Starace Zammit li f’Awwissu tal-2016 u fis-snin ta’ qabel ikkommetta bi €8,458.87 f’serq ta’ dawl elettriku. Dan peress li l-prosekuzzjoni ma ġabet l-ebda prova li tista’ twassal għal ħtija tiegħu. Skont l-Enemalta s-serq tad-dawl ġie kalkolat fuq perjodu ta’ ħames snin, żmien li l-prosekuzzjoni ma ġabet l-ebda prova dwar dan.

Mario Camilleri lanqas ma nstab ħati li fl-istess żminijiet, lok u ċirkostanzi għamel ħsara fil-makkinarju jew fil-gummi tal-elettriku jew ikkġguna telf tal-kurrent elettriku. Lanqas ma nstab ħati li fl-istess perjodu għamel ħsara jew kisser xi parti minn xi meter tal-elettriku, jew is-siġilli tiegħu, jew xi parti minn xi apparat uzat fil-provvista tal-elettriku.

Dawn il-proċeduri kienu jduru max-xhieda prinċipali, jiġifieri l-impjegati tal-Enemalta li kienu marru fil-post u rrapurtaw il-każ. Robert Busuttil li kien jaħdem mal-Enemalta bħala Tradesmen qal li kien mar għal spezzjoni fil-post fl-14 ta’ Awwissu tal-2016 flimkien ma’ kollega tieghu Joseph Giuliano u xi membri tal-pulizija.

Dawn sabu “li s-‘service cable’ four by sixteen millimeters squared ġo cupboard tal-aluminium u taħt il-cupboard tal-meter kellu parti mill-outer sheet imqaxxra qiesu tul ta’ pied u mgħotti bil-PVC tape ta’ kulur abjad. “Meta neħħejna t-tape sibna l-erba’ course three phase u neutral l-istess kellhom tape abjad u meta kxifna sibna li kien hemm l-insulation tal-cores imqaxxra ukoll.

“Dan juri li xi żmien kien hemm xi connection ma’ service cable li kien jaqbeż il-meter. . . . Eżatt is-service cable normalment jidħol minn mal-over headlines minn ma’ barra jekk ikun gej minn ma’ over headlines, jgħaddi ġol-propjetà tal-akkużat.

“Huwa liġi u regola, daqs kmandament għall-Enemalta li mis-service box sal-linja minn fejn gej is-sors tas-supply ma jkun hemm xejn. Il-cable imbagħad jidħol ġos-service box u mis-service box għal ġol-meter u kollox ikun issiġġillat.” Ix-xhud ikkonferma li dan il-cable ma’ kien imqabbad mal-ebda apparat elettroniku. Ma setax jikkonferma jekk qatt kien hemm xi konsum minn din is-sistema kif sabuha huma u l-anqas jaf meta.

Joseph Giuliano, filwaqt li kkonferma dak li qal il-kollega tiegħu qablu, ikkonferma wkoll illi mill-ispezzjoni ħareg illi mal-meter sabu kollox kif suppost inkwantu siġilli u l-ismart meter. Impjegat iehor tal-Enemalta, Antoine Busuttil ippreżenta stima ta’ elettriku mhux irreġistrat fil-fond  li meta jinqatgħu l-imgħaxijiet u l-penalitajiet amministrattivi, dan jammonta ghas-somma ta’ €8,458.87. Huwa qal illi din l-istima tmur għal ħames  snin qabel l-ispezzjoni.

L-imputat Mario Camilleri xehed u qal illi meta huwa kien qed jibni d-dar, din ħadet hafna żmien għaliex huwa dak iz-żmien kien jgħix l-Ingilterra flimkien mal-familja tieghu. Qal ukoll illi kellu xi nies jieħdu ħsieb dan il-proġett fejn kien ikun hemm ħafna nies u ħaddiema deħlin u ħerġin.

Qal li meta marru tal-Enemalta jagħmlu spezzjoni dawn marru b’kollox xi erba’ darbiet. L-aħħar darba dawn sabu li kien hemm wire li kien bil-ħsara. Jghid illi meta kien għadu barra minn Malta kellu mastrudaxxa li kellu ċ-ċwievet ta’ dan il-post ukoll u dan jaf  li kellu xi problemi d-dar tant li kienu qatgħulu d-dawl u kien jgħix b’generator u ghalhekk kellu xi suspetti fih għaliex xi ħaddiem iehor kien qallu li dan kien qed joqgħod fid-dar tiegħu.

Huwa sostna li ma kellux raġuni l-għaliex kellu jisraq id-dawl għaliex il-kontijiet li kien iħallas kienu diġa’ fenomenali li dan kien iħallas regolarment u li huwa kien jgħix biss flimkien mal-mara tiegħu u xi kultant it-tfal. L-imputat qal ukoll illi meta d-dar kienet vojta kien innota fluctuation tad-dawl u dan jgħid illi ssenjala dan il-fatt lill-Enemalta u tahom l-evidenza kollha primarjament li f’dak il-perjodu li huwa ma kienx Malta u l-anqas il-familja tieghu ma kienet fil-pajjiż.

Il-Qorti qalet li mhemmx dubbju li filwaqt li s-serq jirriżulta  u dan ghaliex is-serq sar permezz ta’ sgass fil-gummi tal-elettriku, u sar fir- residenza tal-akkużat, l-ħin tas-serq ma jirriżutlax u lanqas tal-valur u l-Qorti mhijiex konvinta bil-mod ta’ kif gġe kalkolat l-ammont allegatament misruq u għalkemm dam ghaddej dan is serq.  

Il-prosekuzzjoni għandha d-dover li tipprova l-każ tagħha skond il-liġi kriminali. Primarjament l-unika prova li nġabet hija li kien hemm xi wires li jagħtu għall-meter tad-dawl fil-propjetà  msemmija li kienu mqaxxrin u li kienu mdawwrin b’tape abjad li normalment ma jintużax mill-kumpanija Enemalta.

Ma ġiex ippruvat li effettivament l-akkużat kien qed jibbenefika xi ħaġa minn dan il-fatt jew li kien imqabbad ma’ xi apparat sabiex ikun jista’ jikkonsma anqas dawl forsi jew jekk kien imqabbad ma’ xi ħaġa oħra biex finalment jikseb xi vantaġġ monetarju.

lli anke meta ġie biex jiġi smat l-allegat profitt, ix-xhud tal-Enemalta jgħid illi dawn ikkalkulaw ghal perjodu ta’ xi ħames snin qabel ma kien hemm l-ispezzjoni. Dan fil-fatt kien kalkolu ipotetiku u ma kienx ibbazat fuq l-ebda prova tanġibbli bħal per eżempju nġabu kontijiet preċedenti u ġew ikkomparati ma’ dawk kontestati.

Akar minn hekk anke jekk il-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha, l-imputat xorta waħda fornixxa serje ta’ dokumenti u provi, nkluż ix-xhieda tiegħu bil-ġurament, fejn tefa’ dubju serju fuq il-każ tal-prosekuzzjoni. Il-Qortiqaler li ma kinitx se tanalizza dawn id-dokumenti għaliex kif ingħad il-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha. Għal dawn il-motivi ma ssibx lil Mario Camilleri ħati tal-akkużi kif maħruġakontrih u għalhekk tilliberah minnhom. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Matthew Galea.