Internazzjonali

Missier Jeffrey Dahmer jaf ifittex bil-Qorti lil Netflix minħabba s-serje dwar ibnu

Missier Jeffrey Dahmer, Lionel qed jikkunsidra li jfittex bil-Qorti lill-kumpanija Netflix hekk kif qed iqis is-serje li ħareġ fl-aħħar ġimgħat dwar il-ħajja ta’ ibnu bħala serje li tefa’ dawl żejjed u bla bżonn fuq il-qtil.

Is-serje bl-isem ta’ Dahmer — Monster: The Jeffrey Dahmer Story tirrakkonta l-istorja ta’ Jeffrey Dahmer u l-qtil li seħħew bejn l-1978 u l-1991 – storja li kienet ixxokjat lid-dinja hekk kif kien ħareġ li Dahmer kien qatel 17-il tifel u raġel u żamm il-fdalijiet tagħhom fl-appartament li kien jgħix fih f’Milwaukee.

Barra dan is-serje, Netflix ippublikaw ukoll dokumentarju bl-isem ta’ Conversations with a Killer: The Jeffrey Dahmer Tapes fejn fih wieħed jista’ jsegwi numru ta’ konverżazzjonijiet ta’ Dahmer wara l-arrest tiegħu.

Lionel Dahmer qal li Netflix qatt ma avviċinawh dwar is-serje jew id-dokumentarju. Fil-fatt, l-istess bħall-qraba tal-vittmi, Lionel sar jaf dwar dawn meta ġew ippublikati… jiġifieri saru jafu mal-kumplament tad-dinja.

Missier Jeffrey qed jgħid li Netflix żiedu dettalji li mhumiex veri b’riżultat li tefgħu attenzjoni żejda fuq l-istorja ta’ ibnu.

Bħalissa, is-serje jinsab fit-tieni post tal-quċċija tal-popolarità fuq Netflix.