Il-Gvern għad m’għandu l-ebda soluzzjoni dwar kif se jżomm aktar għalliema milli jitilqu minn dan is-settur.
Fl-aħħar xhur u snin kienu diversi l-edukaturi li għal xi raġuni jew oħra ddeċidew li ma jibqgħux fl-impjieg tagħhom, bl-ammont ta’ studenti Universitarji li jitħajjru jistudjaw għal din il-professjoni jkompli jonqos. Iżda fil-Budget, il-Minisitru Clyde Caruana ħabbar biss li l-ftehim settorjali tal-edukaturi għad irid jiġi diskuss u beħsiebu jagħmel dan is-sena d-dieħla.
Intant, waqt il-budget ġie mħabbar li matul is-sena d-dieħla għandu jitlesta x-xogħol fl-iskola ta’ Ħal Għaxaq, fl-iskola tal-Imsida u l-Primarja fir-Rabat Malta kif ukoll il-bini ta’ kumpless sportiv fl-iskola ta’ Santa Luċija.
Iżda, f’dan il-budget ma kien hemm l-ebda referenza għal bini tal-iskola primarja ġdida fil-Mosta li kienet imwiegħda fil-manifest elettorali ta’ din is-sena. Minn naħa l-oħra, ix-xogħolijet fuq l-iskola tal-Imsida ilhom għaddejjin mill-2017 u għal sena oħra l-Gvern wiegħed li din se titlesta fiż-żmien li ġej wara li din l-iskola kellha tinbena darbtejn għaliex l-ewwel darba x-xogħol sar ħażin.
Waqt il-budget issemma proġett pilota li għaddej bħalissa f’ċertu skejjel sabiex l-istudenti jkollhom lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika kuljum.
Intant, wara li l-Gvern ta’ Robert Abela qaċċat miljun ewro mill-fondi li jingħataw l-Universita’, fil-budget tal-2023 m’hemmx referenza għal xi investiment fl-Universita’ għas-sena li ġejja. Dan ifisser li l-istudenti tal-Universita’ intesew hekk kif fil-budget ma kien propost xejn għal din l-istituzzjoni.
Barra minn hekk, waqt il-budget intqal biss li l-istipendji se jiżdiedu pro-rata illi jfisser li se jingħataw żieda addizzjonali miżera ta’ ewro fil-ġimgħa.
//= $special ?>