Budget 2023 Lokali Saħħa

Il-Gvern se jibqà jagħti l-miljuni lil Steward

Wegħdiet ripetuti għax ma sarux

Wegħdiet ripetuti, fula maqsuma bħall-Budget tal-2022.

Kif kien mistenni, fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern ta’ Robert Abela reġa’ naqas milli jagħmel referenza għall-fatt li tliet sptarijiet pubbliċi għadhom f’idejn Steward Healthcare, u kemm dan se jkun qed ifisser finanzjarjament għal pajjiżna.

Barra minhekk, il-fatt li dan il-kuntratt se jibqa’ għaddej ifisser ukoll li matul is-sena d-dieħla se jkollhom jinkrew faċilitajiet addizjonali fl-Isptar Mater Dei minħabba ż-żieda fid-domanda tal-kura.

Min-naħa l-oħra, hu rrepeta għadd ta’ wegħdiet li ilna nisimgħu għall-aħħar snin, fosthom bini ġdid tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei, restawr tal-berġi tas-saħħa u kif ukoll bank ġdid tad-demm. L-istess ukoll li jkun hemm Cardiac Catherisation Suite ġdida… Wegħdiet riċiklati sena wara sena li sa issa qatt ma saru, wegħdiet li reġgħu ġew stampati għal darb’oħra kelma b’kelma u sa issa baqgħu ma twettqux.

Għalkemm din mhix l-ewwel darba li qed nisimgħu dwarhom, il-Ministru qal li dawn se jkunu prijorità.

Ma naqsux ukoll inizjattivi li l-Partit Nazzjonalista diġà ppreżenta u enfasizza dwarhom fix-xhur li għaddew, fosthom dwar l-importanza li għandha tingħata lis-saħħa mentali, partikolarment wara l-effetti li ħalliet il-pandemija, madankollu hawnhekk, lanqas intrabat meta se jibni sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali bil-wegħda tgħid li jinbena sptar ġdid “fis-snin li ġejjin”. Intqal ukoll li dan l-isptar se jkun qed jinbena minn Fondi Ewropej.  Bħas-sena li għaddiet il-Ministru ħabbar li se jsir restawr tal-bini tal-isptar Monte Carmeli, xi ħaġa li suppost kellha ssir tul din is-sena, iżda l-wegħda mill-ġdid estiża. 

Ma ssemma xejn dwar x’inizjattivi se jkun hemm biex aktar persuni jitħajru jidħlu fil-professjoni tas-saħħa, infermiera, carers jew tobba.

L-istess ukoll ma qalx kif se jsolvi l-problema li qed isibu ħaddiema tas-saħħa barranin, u kif dan in-nuqqas qed iħalli impatt fuq il-ħaddiema u l-pazjent. Intqal ukoll li l-anzjani se jibqgħu jingħataw l-għajnuna biex jgħixu fil-komunità… iżda ftit li xejn ingħataw proposti denji li jħeġġu lill-anzjan jagħmel dan.