Lokali

Xirja f’Malta tiswa 30% aktar minn xirja fi Sqallija

Xirja f’Malta tiswa 30% aktar minn meta tixtri l-istess prodotti minn Sqallija. Fi kliem sempliċi – jekk fi Sqallija tonfoq 100 ewro, f’Malta jkollok toħroġ 130 ewro għall-istess xirja. Spiża li fuq sena titla’ għal mijjiet ta’ ewro.

Analiżi li saret mis-‘Sunday Times of Malta’ turi li meta wieħed iħares lejn prodotti li huma komuni fiż-żewġ pajjiżi jidher biċ-ċar il-qabża li hemm fil-prezz hekk kif saħansitra, f’xi każi, id-differenza hija ta’ aktar minn ewro.

Ix-xirja li saret bħala parti minn dan l-eżerċizzju kienet tikkonsisti minn bżonnijiet bażiċi li persuna jkollha bżonn ta’ kuljum. U meta tqabblu il-kontijiet ix-xirja minn Malta kienet ferm aktar għola fil-prezz. Dan hekk kif ix-xirja ta’ Sqallija ammontat għal madwar €130 filwaqt li minn Malta din ammontat għal aktar minn €160.

Barra minn hekk, dan l-eżerċizzju ikkumpara prezzijiet ta’ għamara kif ukoll apparat teknoloġiku fejn hawnhekk ukoll jidher biċ-ċar li l-prodotti ta’ Sqallija huma ferm irħas minn ta’ pajjiżna.

Interessanti l-fatt li eżerċizzju simili sar anke minn team ta’ TVM fil-ġimgħat li għaddew. Dan ukoll wera realtà simili. Hawn, tqabblu l-prezzijiet ta’ Malta ma’ supermarkets fi Sqallija fejn instab li l-prezz medju f’Malta huwa ta’ €86.63 filwaqt li l-prezz medju fi Sqallija huwa ta’ 62.34. Id-differenza fil-prezz kienet ta’ madwar €20.