STEWARD HEALTHCARE – Clyde Caruana għażel li fl-ebda mument ma jagħmel referenza għall-kuntratt skandaluż tat-tliet sptarijiet. Tant li injora għal kollox milli jlissen il-kelma “Steward”.
Iżda meta tidħol fl-allokazzjoni finanzjarja tal-Budget għas-sena d-dieħla, tinduna li l-Gvern se jerġa’ joħroġ mat-€80 miljun għal dan id-deal. Bil-Prim Ministru jikkonferma li se jkompli jkaxkara saqajh sakemm tinqata’ l-kawża li għaddejja fil-Qorti, mibdija mid-deputat Adrian Delia.
“INTOM” U “AĦNA” – F’diskors li suppost jirrifletti għaqda nazzjonali, Clyde Caruana għażel li jitkellem b’ton mill-aktar partiġġjan. Tant li f’żewġ okkażjonijiet waqt il-Budget għażel il-frazi “intom” biex jattakka lill-Oppożizzjoni.
U f’waqt minnhom, Caruana qal “li m’għamiltux intom, qed nagħmluh aħna. Aħna kapaċi u kredibbli.”
AIR MALTA 2 – Fil-Budget il-Ministru tal-Finanzi ma kellux il-kuraġġ jammetti l-pjan veru tiegħu għall-AirMalta. Iżda wara d-diskors, il-Prim Ministru żelqitlu, u qal li jista’ jkun hemm dik li qed isejjaħ “AirMalta 2”.
Mid-diskors tal-Ministru: “Ikun xi jkun ir-riżultat tal-passi li jmiss, fadal ħafna iktar xogħol xi jrid isir biex Malta jkollha linja tal-ajru li tista’ tmur minn Ħal Luqa sa punt ieħor fl-Ewropa u tal-inqas ma titlifx flus u tkun cost-effective”.
TRAFFIKU – F’diskors ta’ tliet sigħat, ebda soluzzjoni minn naħa tal-Gvern, tant li dalgħodu erġajna sbaħna b’konġestjonijiet f’diversi partijiet tal-pajjiż.
SIĠAR – Ebda referenza, lanqas kelma waħda dwar il-bżonn li nħawwlu aktar siġar f’pajjiżna. Fil-fatt, il-kelma “siġar” jew “siġra” lanqas tissemma’ darba!
VILLAĠĠ TAL-KARNIVAL – Lanqas il-proġett tal-Villaġġ tal-Karnival ma ssemma’ mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.
KEMMUNA – Wara Sajf sħiħ ta’ kontroversji, il-Budget ma offra ebda viżjoni dwar il-futur ta’ din il-gżira.
BEJGĦ TAL-PASSAPORTI – Ankè hawn, ebda referenza mill-Ministru tal-Finanzi għal din l-iskema li poġġiet mill-ġdid lill-Gvern taħt l-iskrutinju u l-kritika ta’ istituzzjonijiet internazzjonali.
MCAST – Il-Budget nesa kompletament il-ħtieġa u għajnuna u investiment b’risq il-mijjiet ta’ studenti li jattendu fil-kulleġġi tal-MCAST
VETTURI ELETTRIĊI – Clyde Caruana indika li jridu jgħaddu sentejn – sal-2024 – biex iċ-charging points għal vetturi elettriċi jiżdiedu għal ftit aktar minn elf; numru li xorta għadu baxx immens.
QORTI – Il-Gvern qed jgħid li se juża aħjar “l-ispazju amministrattiv tal-Qorti billi jiġi kkonvertit f’bini ta’ awli ġodda fil-bini prinċipali tal-Qorti” biex jonqos il-ħin tal-kawżi.
//= $special ?>