Budget 2023 Lokali Saħħa

Budget diżappuntanti għas-settur tas-saħħa – MUMN

L-MUMN qalet li l-Budget 2023 ma ndirrizzax l-kriżi li qed jaffaċċjaw bħalissa hekk kif m’hemmx biżejjed sodod għal pazjenti.

Din l-assoċjazzjoni qalet li kienet qed tistenna li l-Gvern se jħabbar investiment f’wards ġodda sabiex l-pazjenti jkollhom l-aħjar kundizzjonjiet possibli. Minħabba n-nuqqas ta’ investiment dan l-isptar se jkollu jibqa’ jħalli l-pazjenti fil-kurituri. Preżentament, hemm erba’ kurituri fl-Isptar Mater Dei li qed jintużaw bħala wards barra l-canteen tal-istaff kif ukoll il-librerija. Dawn huma sitt postijiet li mhumiex attrezzati biex iżommu l-pazjenti kif ukoll tneħħi d-dinjita’ tal-bniedem.

Kriżi oħra li l-Gvern ma ssemmiex f’dan il-Budget huwa l-fatt li l-Isptar Mt.Carmel mhux biss għandu bżonn ikun modernizzat iżda dan l-Isptar ukoll huwa żgħir sabiex jgħinu lil dawk in-nies kollha li jeħtieġu l-għajnuna. Barra minn hekk, il-Gvern ma ndirizzax in-nuqqas ta kbir ta’ infermiera li għandna f’pajjiżna.

L-MUMN tisħaq li dan il-Budget juri kemm is-saħħa mhijiex prijorita’ għal dan il-Gvern hekk kif sena wara sena l-investimenti fl-isptarijiet ta’ pajjiżna qed jonqsu jew inkellha jiġu mwegħda u qatt ma jsiru.