Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ indirizza l-affraijiet kollha pożittivi li ssemmew f’dan il-Budget iżda qalu wkoll li dawn jeħtieġ li jiġu implimentati u għad hemm ħafna xogħol xi jsir f’diversi setturi f’pajjiżna.
Nixtiequ nagħrfu li minkejja l-pandemija u l-impatti negattivi fuq l-ekonomija internazzjonali kaġun tal-gwerra fl-Ukrajna, il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna baqgħet waħda relattivament stabbli. Jidher biċ-ċar illi diversi entitajiet, industirji u ħaddiema ngħataw is-sapport tant meħtieġ f’dawn iż-żminijiet. Il-Kunsill jirrikonoxxi wkoll iż-żidiet u l-benefiċċji soċjali kontra l-impatti negattivi tal-għoli tal-ħajja. Nilqgħu wkoll l-għajnuna speċjali għan-nies vulnerabbli.
Minkejja dan, nagħrfu li ż-żieda fil-paga minima hija waħda inevitabbli u kruċjali. B’mod partikolari, inħossu li għandu jsir aktar żvilupp fil-qasam edukattiv, sabiex l-edukaturi Maltin u Għawdxin jingħataw ir-renumerazzjoni li jixirqilhom ta’ xogħolhom. Apparti minn hekk, għandu jkun hemm fora aċċessibbli għaż-żgħażagħ sabiex jidħlu għad-dinja tax-xogħol, filwaqt li l-istess ħidma titħallas b’mod ġust.
Nilqgħu l-benefiċċji lix-xerrejja tal-propjeta’, speċjalment fejn jidħol ir-restawr ta’ djar diġa’ eżistenti. Madanakollu, nenfasizzaw il-bżonn li l-pjan tas-€60 miljun għas-Sustainable Urban Development f’Għawdex jiġi kkjarifikat. Mill-aspett ta’ sostenibbilta’ fejn jidħlu l-ispazji ħodor u l-iskart, nirrikonoxxu l-impenn fil-lokalitajiet tagħna u anke dak fuq livell nazzjonali, partikolarment fejn tidħol il-protezzjoni tal-ambjent naturali permezz ta’ Żoni Protetti tal-Baħar u tas-siti Natura 2000. Nilqgħu wkoll l-isforz sabiex tiżdied ir-rata ta’ riċiklaġġ u dejjem jonqos l-ammont ta’ skart li alternattivament jispiċċa fil-miżbla.
Fejn jidħol it-trasport, filwaqt li nifhmu s-saffi diversi tad-diffikultajiet f’dan il-qasam, nixtiequ li jiġu indirizzati numru ta’ punti partikolari. L-ewwel nett, minkejja l-miżura pożittiva tat-trasport pubbliku b’xejn, nirrokonoxxu li weħidha din mhix ser twassal għat-tibdil tant meħtieġ sabiex iżjed nies jaraw it-trasport pubbliku bħala alternattiva prattika u sostenibbli għal ħajjithom. Għalhekk, nemmnu li għandu jkun hemm tibdil drastiku fl-infrastruttura tal-istess trasport. It-tieni nett, filwaqt li naqblu li x-xiri ta’ vetturi elettriċi li jniġġsu anqas għandu jiġi inċentivat, huwa maqbul fuq livell internazzjonali li il-vetturi elettriċi mhumiex il-futur, imma għodda tranżitorja għall-futur sostenibbli.
//= $special ?>