Kunsilli Lokali Lokali

Dwar l-irwejjaħ fl-Iklin: “Jeħtieġ li l-awtoritajiet responsabbli jaqdu dmirhom kif suppost”

Sentejn wara l-ewwel rapporti li saru minn għadd ta’ residenti tal-Iklin dwar irwejjaħ insapportabbli, dan l-istazzjon mill-ġdid qed jiriċievi għadd ta’ lmenti mingħand residenti tal-Iklin dwar din is-sitwazzjoni.

Riħa insapportabbli li f’waqtiet lanqas tażżarda tiftaħ xi tieqa jew bieb, jew anki fis-sajf, minħabba d-debris li jkun hemm, lanqas biss tipprova toħroġ fil-bitħa.  

Net News tkellem mas-Sindku tal-lokalità Dorian Sciberras, fejn spjega s-sitwazzjoni preżenti, u kif il-Kunsill Lokali qed jitħalla waħdu jaffaċċja din l-isfida.

Diversi kienu l-ilmenti li għamlu dawn ir-residenti, inkluż mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, li saħansitra rreferiethom lid-Dipartiment tas-Saħħa minħabba l-fatt li dawn l-irwejjaħ jistgħu jkunu tossiċi ħafna.

Dorian Sciberras stqarr li l-Kunsill Lokali tal-Iklin qed jinsisti sabiex isiru testijiet dwar il-kwalità tal-arja taz-zona u jiġi ċertifikat illi verament ma hemm ebda periklu għas-saħħa pubblika. Dan iżda l-awtoritajiet kompetenti sa issa baqgħu m’għamluhx.