Lokali Parlament

Il-biedja għandha tingħata għajnuna qawwija biex issalva

Graziella Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea appellat lill-gvern biex jgħin b’mod qawwi lill-biedja Maltija biex din issalva u biex iktar żgħażagħ jidħlu f’dan is-settur.

Meta kienet qed titkellem fil-parlament Graziella Galea qalet li kien jagħmel iktar sens li l-abbozz kien ikun diskuss wara li jingħalaq iż-żmien tal-white paper biex il-parlament ikollu quddiemu r-riżultat tal-white paper.

Dwar il-ħlas tal-qbiela hi sostniet li għandu jkun ikkunsidrat il-valur tal-art minħabba li l-valur tal-art fil-pjjiż żdied minħabba li l-art hi limitata. Dan il-valur ma jistax jitqabbel mal-prodott li jitkabbar; il-valur tal-prodott imkabbar tal-bdiewa ma żdiedx bl-istess rata.

Hi qalet li l-prodott agrikolu llum jinvolvi ferm iktar spejjeż u appellat biex issir analiżi serja dwar l-ispejjż li qed jifaċċja l-bidwi f’diversi aspetti fosthom it-tisqija, iż-żrieragħ u l-inġenji.


Id-deputat Nazzjonalista semmiet l-impenn u l-ħidma kbira li jwettqu l-bdiewa u sostniet li dejjem inqas nies qed jitħajru jsiru bdiewa. Hi enfażizzat l-importanza li jkun hemm l-informazzjoni dwar l-artijiet li jaħdmu l-bdiewa għaliex hemm nuqqas ta’ proporzjonalità dwar l-art; il-prezzijiet splodew fl-aħħar 10 snin.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-art agrikola għandha tibqa’ tintuża għall-agrikoltura u sosniet li l-bdiewa għandhom jingħataw l-għajnuna biex jixtru l-irziezet. Il-gvern għandu jikkunsidra wkoll li jixtri artrtijiet mingħand il-privat biex dawn jibqgħu jintużaw għal skopijiet agrikoli. Il-bidwi għandu jkun assigurat ukoll li jkun mgħejjun ikompli jaħdem fil-biedja waqt li jsiru l-investimenti fuq l-istess livell li ngħataw setturi oħra biex salvaw.