Budget 2023 Lokali

“Il-Budget huwa ta’ diżappunt kbir għall-familji u l-ħaddiema” – David Casa

“Għall-korruzzjoni, il-Gvern Laburista dejjem sab il-miljuni, imma għall-familji, ġenituri, ħaddiema, carers u l-SMEs, l-‘Gvern għażel li jixxaħħaħ.”

Dan intqal mill-Membru tal-Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa b’reazzjoni għall-Budget li ġie imħabbar it-Tnejn filgħaxija.

David Casa kien li nnegozja d-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja x-Xogħol f’isem il-Parlament Ewropew mal-Gvernijiet kollha tal-Unjoni Ewropea. Din id-direttiva daħħlet fis-seħħ f’Awwissu li għadda iżda l-Gvern Laburista għazel li jdaħħal biss il-minimu li seta jdaħħal bħala drittijiet lill-ġenituri, ħaddiema kif ukoll lill-carers. Huwa insista li din hija opportunita oħra li ġiet mitlufa minn naħa tal-Gvern.

Din id-direttiva, hija pass kbir ‘il quddiem għall-ħafna familji Ewropej imma b’mod speċjali għall-familji Maltin u Għawdxin. 

Minn naħa l-Partit Nazzjonalista, sema’ dak li kellhom xi jgħidu l-istakeholders f’konsultazzjoni u se jkun qed jipproponi emendi sabiex jikkoreġihom. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista verament jemmen li jrid jinvesti fil-familji u li rridu nnaqqsu l-iżbilanċ fis-salarji tal-irġiel u n-nisa, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aċċess għas-suq tal-impjiegi, kif ukoll fil-pensjonijiet. 

David Casa saħaq li minflok jinvesti fil-familji tiegħu, il-Gvern irid ipoġġi l-piż fuq l-SMEs.

Huwa temm id-diskors tiegħu hekk kif qal li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa l-istess gvern li jippretendi li għandu ruħ soċjali.