Mark Anthony Sammut, PN
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal fil-parlament li l-problema tal-qbiela fuq l-art agrikola ħolqha l-gvern Laburista bl-ispekulazzjoni tal-artijiet.
Mark Anthony Sammut tkellem dwar l-importanza tas-settur agrikolu anki f’perjodu bħall-pandemija u fl-invżjoni Russa fl-Ukrajina. Hu qal li għadu jkun ikkunsidrat kemm l-ikel għandu jkun dipendenti fuq l-importazzjoni għalkemm hu diffiċli li pajjiż żgħir bħal Malta ma tkun tiddependi xejn fuq l-importazzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hawn assedju kontinwu fuq l-art agrikola mill-gvern. Waqt li semma’ l-art ODZ hu tratta dak li kien seħħ f’Ħal Farruġ li kien kollu ODZ, Mark Anthony Sammut qal li hemmhekk kien hemm anomaliji li kienu rranġati minn gvern Nazzjonalista favur ir-residenti.
L-ipokrezija tal-gvern dwar l-2006 hi li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni mill-PL dwar iż-żieda fl-art għall-iżvilupp anzi li kien l-PL kien għamel l-ikbar talbiet biex tonqos l-art ODZ. Imnalla kien hemm gvern Nazzjonalista li rrifjuta t-talbiet tal-PL fl-2006; fil-fatt kienu aċċettati biss madwar 10% tat-talbiet li saru, sostna Mark Anthony Sammut.
Id-deputat Nazzjonalista qal li mmaġina kif kien jiddeċiedi Gvern Laburista kieku kellu jiddeċiedi hu dwar l-artijiet ODZ!
Hu kompla li fil-permessi tal-iżvilupp fl-ODZ fl-2011, fl-2012 u fl-2013 kienu jammontaw għal madwar 400 kull sena waqt li fl-2019 u fl-2020 dawn ammontaw għal madwar 1,000 kull sena. Il-permessi approvati għal postijiet ta’ abitazzjoni f’ODZ ammontaw għal 95 fl-2011 u għal 42 fl-1995 waqt li fl-2019 u fl-2020 dawn telgħu għal 214 u 216 rispettivament. Dan minbarra diversi deċiżjonijiet oħra li ħa gvern Laburista li effettwaw l-ambjent b’mod negattiv.
Fl-Imrieħel gvern Laburista ppova jieħu 20 tommna ta’ art agrikola biex jitwessgħu t-toroq; din l-applikazzjoni għandha tiġi rtirata. Fiż-Żonqor l-gvern kien se jagħti medded kbar ta’ art lill-barrani għall-AUM waqt li fil-Magħtab riedu jieħdu 200 tommna ta’ art agrikola biex titkabbar il-landfill.
Hu qal li fir-riċiklaġġ tal-iskart hemm diżastru sħiħ fejn l-ippakkeġġjar tal-plastic, il-pajjż jinsab l-aħħar fl-Ewropa b’ħafna; fejn ta’ qabel tal-aħħar jirriċiklaw id-doppju ta’ Malta.
Basta l-impjant ta’ Sant Antnin tħalla magħluq, sostna id-deputat Nazzjonalista, li appella biex tkun pubblikata l-inkjesta dwar in-nirien li kien hemm fl-impjant ħames snin ilu. Sadattant fil-landfill qed jitħallat kollox wara li l-poplu jkun issepara l-iskart; dan filwaqt li l-iskart tal-iskejjel qed jitħallat u jintrema’ kollu flimkien.
Id-deputat Nazzjonalista qal li kien il-mudell ekonomiku tal-gvern Laburista li ħoloq il-probema dwar il-qbiela għaliex il-prezzijiet splodew fl-aħħar 10 snin; din hi problema li ħoloq il-gvern Laburista nnifsu.
Għas-settur tal-biedja ma kien hemm l-ebda inċentivi fl-aħħar budget, sostna Mark Anthony Sammut, li kkritika l-fatt li l-gvern qed jgħaddi l-liġi meta għadu għaddej il-proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-bidwi Malti ma jistax ikampa u għalhekk għandu jingħata sussidju għall-bdiewa propju minħabba l-qbiela. Mhux magħruf lanqas x’se jkun l-effett fuq il-qbiela fuq art tal-gvern għax l-abbozz ma jaħsibx dwar it-trasferiment tal-art tal-qbiela. L-art agrikola għandha titħaddem u ma jkunx hemm iktar spekulazzjoni fuqha.
Id-deputat Nazzjonalista qal li jrid ikun hemm definizzjoni ċara bejn bidwi attiv u dak li mhux. L-ilma hu tant essenzjali għall-bdiewa, sostna Mark Anthony Sammut, li kompla li l-proġett tan-new water qed idum wisq biex jitwettaq. Fil-Kalkara dan il-proġett ilu inawgurat erba’ snin iżda għadu ma jiffunzjonax.
Jeħtieġ li tkun inċentivata l-provvista ta’ iktar ikel bnin iżda fil-budget ma ssemmew l-ebda inċentivi.
Hu appella biex tieqaf l-ispekulazzjoni tal-art u biex il-gvern iwassal il-viżjoni tiegħu dwar dan is-settur.
//= $special ?>