Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Rishi Sunak se jagħti prijorità lill-ħteġiet tal-pajjiż u mhux lill-politika partiġġjana

Ritratt: EPA-EFE/TOLGA AKMEN

L-eks Kanċillier tal-Finanzi Rishi Sunak qed imexxi formalment lir-Renju Unit bħala Prim Ministru wara li hu, fl-aħħar sigħat, kellu laqgħa tradizzjonali mar-Re Charles fil-Palazz ta’ Buckingham.

Sunak, fil-fatt, sar it-tielet Mexxej tar-Renju Unit fi spazju ta’ seba’ ġimgħat biss wara li hu kien rebaħ it-tellieqa għall-kariga fost il-kandidati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern. Il-proċess kellu jsir wara r-riżenja, jiem ilu, ta’ Liz Truss minn Prim Ministru wara li hi kienet tilfet l-appoġġ fost id-deputati tat-Tories.

Sadanittant, Rishi Sunak ma tilifx iż-żmien biex jiċħad għal elezzjoni ġenerali bikrija minkejja l-pressjoni min-naħa tal-Oppożizzjoni li tinkludi l-Partit Laburista, is-Scottish National Party, il-Ħodor u l-Liberali Demokratiċi.

Fl-ewwel diskors bħala Prim Ministru barra r-residenza ta’ 10 Downing Street (f’Londra), Sunak qal li r-Renju Unit qed jiffaċċja kriżi ekonomika profonda u waqt li faħħar lil Liz Truss għall-impenji tagħha,  hu għamilha ċara li se jagħmel minn kollox ‘biex jirranġa l-iżbalji tal-eks PM fl-ekonomija’. Sunak, fl-istess ħin, wiegħed li se jagħti priorità lill-ħteġiet immedjati tal-pajjiż aktar milli lill-politika partiġġjana.

Qabel id-diskors tal-Prim Ministru, Liz Truss – li damet fil-poter għal 44 jum biss — iddefendiet il-politika tagħha biex tixpruna l-qtugħ fit-taxxa filwaqt li insistiet li l-Mexxejja jeħtieġu li jieħdu d-deċiżjonijiet kuraġġjużi.

Il-Prim Ministru Sunak bħalissa qed jifforma l-Kabinett ġdid f’Londra, bit-theżżiż fi ħdan il-Gvern ma jonqosx. Dan meta Jacob Rees-Mogg, politiku veteran u wieħed mill-akbar sostenituri tal-eks Prim Ministru Boris Johnson, irriżenja minn Segretarju għall-Kummerċ, l-istess bħal Brandon Lewis li mhux se jkompli bħala Segretarju għall-Ġustizzja.