Internazzjonali

Ix-Xatt tal-Punent: Aktar vittmi fost vjolenza ġdida f’Nablus

Ħames Palestinjani armati nqatlu waqt offensiva kbira tal-qawwiet Iżraeljani kontra grupp ta’ militanti fix-Xatt tal-Punent. Aktar tard inqatel Palestinjan ieħor fost l-isparar tat-truppi Iżraeljani meta folla ta’ Palestinjani attakkat lill-militar bil-ġebel bħala protesta kontra r-rejd.

L-offensiva fil-belt ta’ Nablus saret bħala azzjoni speċifika fuq moviment ta’ militanti bl-isem ‘Iljuni’ u li l-membri tiegħu kienu qatlu suldat Iżraeljan aktar kmieni fix-xahar. Il-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani – jew IDF – ilhom iżommu l-belt ta’ Nablus taħt morsa ta’ sigurtà għal ġimgħatejn sħaħ fost it-tfittxija għall-qattiela tas-suldat li kellu l-grad ta’ Surġent.

Intant, fl-aħħar ġimgħat intensifikat il-vjolenza bejn Iżrael u l-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, bil-qawwiet ta’ Iżrael qed imexxu kampanja biex jeliminaw lill-militanti li fl-aħħar xhur wettqu sensiela ta’ attakki qattiela fuq l-Iżraeljani.

Il-grupp Palestinjan relatat ‘mal-Iljuni’ kien iffurmat waqt ir-rejds fuq il-militanti mit-truppi ta’ Iżrael. Mifhum li dawn il-militanti kienu involuti f’numru ta’ attakki madwar iz-zona ta’ Nablus u anki kontra Iżraeljani residenti f’Tel Aviv.

Il-grupp ġdid tal-militanti anki kien sfida l-appell tal-Awtorità Palestinjani biex iċedi l-armi u jsir parti uffiċjali mill-qawwiet tas-sigurtà Palestinjani. Dan meta l-Awtorità Palestinjana hi l-entità li qed tiggverna f’Nablus bħalissa.

L-IDF fl-aħħar sigħat qal li l-qawwiet tiegħu daħlu f’appartament f’Nablus li kien qed jintuża bħala l-kwartieri-ġenerali għall-militanti kif ukoll bħala ‘fabbrika għall-manifattura ta’ splussivi’. L-Iżraeljani, wara, splodew dan l-appartament b’missila għal kontra t-tankijiet

Waqt ir-rejd, il-Palestinjani bdew jappellaw fuq il-loudspeakers biex ir-residenti ta’ Nablus joħorġu u jiddefendu l-belt u minuti wara nqalgħet battalja qalila bejn is-suldati Iżraeljani u ż-żgħażagħ Palestinjani li ħarġu fit-toroq —  u bir-riżultat li nqatlu talanqas ħames Palestinjani, fosthom kmandant ewlieni tal-militanti ‘Iljuni’. Indarbu ‘il fuq minn 20 Palestinjan fil-konfronti waqt li l-Iżraeljani ma rappurtaw l-ebda telf fuq in-naħa tagħhom.

L-offensiva  inkwadrat fil-missjoni kontinwa tal-IDF imlaqqma ‘Nikkontrollaw il-Mewġa ( ta’ Vjolenza)’ wara li madwar 20 Iżraeljan u żewġ Ukreni kienu tilfu ħajjithom waqt l-attakki mill-Palestinjani u l-Iżraeljani Għarab aktar kmieni fis-sena.