Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li sakkar lil martu fid-dar għal disa’ t’ijiem

Sirjan ta’ 39 sena residenti San Ġiljan inżamm arrestat mill-Maġistrat Josette Demicoli wara li ġie mixli li huwa sakkar lil martu fid-dar u ħalliha mingħajr aċċess għall-moviment għal disa’ t’ijiem sħaħ kontra l-volontà tagħha. Huwa ġie mixi wkoll li nhar il-Ħadd li għadda u fil-ġranet ta’ qabel sawwat lil martu u kkaġunalha ġrieħi ħfief. 

Ir-raġel li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identita’ tal-mara u ż-żewġt uliedu ġie mixli wkoll li b’mod ripetut ikkaġuna lil martu biża li kienet se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-propjetà tagħha, u dan fil-preżenza tat-tfal minuri tagħhom.

Huwa ġie akkużat ukoll mill-Ispettur Audrey Micallef li ripetutament uża vjolenza, nkluż dik morali u dan ukoll sabiex jiżolha jew jillimita l-aċċess għall-flus ta’ martu u dan ukoll fil-preżenza ta’ wliedhom waqt li kien qed jgħix magħhom. L-akkuża ta’ sekwestru tgħid li r-raġel li qed jiġi mixli bi tmien akkużi sakkarha id-dar bejn l-14 u t-23 ta’ Ottubru li għadda.

Ġie mixli wkoll li bejn l-4.00pm u l-5.00pm tal-14 ta’ Ottubru mingħajr il-ħsieb li joqtolha u fil-preżenza tat-tfal sawwatha tant li kellha tispiċċa fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana, li ħebb għaliha, heddidha bil-kliem billi nsulentaha u dejjaqa.

L-Avukat tal-akkużat Alfred Abela qal li l-klijent tiegħu qed jiċħad dan kollu li ngħad mill-mara tiegħu li għamlet rapport lill-Pulizija u li talab biex jinħatar espert biex jagħmel verifiki fuq il-mobile tal-mara biex jara jekk din kinitx il-ħin kollu msakkra fil-post kif qed tallega.

Il-prosekuzzjoni flimkien mal-Avukat Noel Bianco li qed jirrappreżenta lill-allegata vittma qalu li dan għandu jsir fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni fejn fiha għandha tixhed ukoll il-vittma. L-Avukat Abela qal li huwa ma jridx telfien ta’ żmien sabiex toħroġ il-verità dwar dan il-każ.